Il-konsulent tat-tfal fl-Isptar Mater Dei, il-Professur Victor Grech saħaq li l-awtortaijiet tas-saħħa jsejħu lockdown b’mod ikkalkulat meta hemm il-ħtieġa.
Filwaqt li qal li l-awtoritajiet tas-saħħa qed jagħtu pariri siewja, spjega kif il-lockdown, li huwa pass drastiku m’għandux jiġi ddikjarat qabel il-waqt.
Qal li lockdown imsejjaħ kmieni ma jkunx effettiv hekk kif il-każijiet huma mistennija li jitilgħu xorta waħda f’daqqa meta l-lockdown jiġi rtirat.
“Tista tagħmel lockdown prematur, tgħid ma jiċċaqlaq xejn ħadd u l-epidemija tiffizzleja bil-mod imma imbagħad kif tirrilaxxa ftit ikollok spike wara.” Stqarr il-Professur Grech.
Il-Professur li analizza s-sitwazzjoni bir-reqqa saħaq li huwa importanti li l-mewġa ta’ każijiet ta’ Coronavirus, li b’mod inevitabbli qed tolqot lil pajjiżna bħal kwalunkwe pajjiż ieħor fid-dinja, se tkun imferxxa fuq medda ta’ ġimgħat u xhur.
Il-Konsulent mediku kompla jgħid, “Ix-xewqa tagħna hi li dawn l-eluf kollha li ħa jimirdu u li ħa jkollhom bżonn sptar, nerġa ngħid mhux kollha, 14% qed nikkalkulaw, dawn inqattruhom mhux jimirdu f’darba, f’xahar. Jimirdu f’erba’ xhur bil-mod.”
F’dan il-kuntest semma l-importanza li l-każijiet jibqgħu jkunu rreġistrati bil-mod u b’mod kostanti ħalli s-servizzi tas-saħħa u dawk tal-kura jkunu jistgħu ilaħħqu mad-domanda.
“Jekk nofs il-popolazzjoni ikollha mikrobu u nofs il-poplazzjoni 14% minnha qed nitkellmu 30, 40 elf ruħ ġejjin iħabbtu l-bieb l-isptar f’ġimagħtejn tlieta. Ma jistax ikun ovvjament ħa jmutu ħafna nies allura nkunu nixtiequ li dak l-ispike mmewtuh. Flok muntanja jkollna għolja żgħira li nqattruha ħalli anke jekk jimirdu l-istess ammont ta’ nies imma fuq perjodu ta’ żmien twil.” Ikkonkluda jgħid.