Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci ikkonfermat li fl-aħħar sigħat kien hawn disa’ każijiet oħra li rriżultaw fil-pożittiv għall-coronavirus f’pajjiżna.
Sitta minnhom huma importati minn barra l-pajjiż, iżda għall-ewwel darba hemm tliet każijiet bi trażmissjoni lokali.
Saħqet li l-persuni kollha nfettati bil-coronavirus huma fi stat tajjeb ta’ saħħa.
Il-Professur Charmaine Gauci stqarret, “Għall-ewwel darba għandna tliet każijiet li hawnhekk rajna li kien hemm trażmissjoni lokali fejn tnejn minn dawn kellhom kuntatt ma’ persuni li diġà konna nafu bihom u persuna oħra kellu kuntatt ma’ persuna li diġà konna nafu bih ukoll.”
L-ewwel każ mis-sitta importati huwa dak ta’ Maltija ta’ sitta u ħamsin sena li kienet l-Ingilterra bejn il-ħamsa u t-tlettax ta’ Marzu. Fil-ħmistax tax-xahar kellha sintomi ta’ deni, sogħla u uġigħ ta’ ras. Il-mara ma taħdimx u tgħix ma’ żewġha. Ir-raġel m’għandux sintomi u qiegħed fi kwarantina.
It-tieni każ huwa Malti ta’ erbgħa u tletin sena li kien għal btala fi Spanja bejn is-sitta u d-disgħa ta’ Marzu ma’ persuna oħra li rriżultat fil-pożittiv fl-aħħar jiem. Huwa kellu sintomi ta’ sogħla u deni fl-erbatax ta’ Marzu. Ir-raġel jaħdem f’kumpanija privata u mar għax-xogħol, għaldaqstant qed jiġu identifikati nies li setgħu kellhom kuntatt miegħu.
Każ ieħor huwa żagħżugħ Spanjol ta’ ħmistax-il sena li l-Ħadd kien sejjer lura pajjiżu ma’ tliet studenti oħra. Meta kien fl-Ajruport beda jħossu ma jiflaħx u ġie iżolat fil-klinika tal-mitjar Malti. Saru t-testijiet fuq l-erba’ studenti u wieħed minnhom irriżulta fil-pożittiv. Huwa qed jinżamm f’iżolament filwaqt li t-tliet studenti l-oħra qed jinżammu kwarantina.
Persuna oħra infettata hija Taljana ta’ disgħa u erbgħin sena li tgħix Malta. Għalkemm ma sifritx, żewġha kien Ruma u l-Montenegro bejn l-erbgħa u l-ħamsa ta’ Marzu. Hija żviluppat sintomi ta’ deni u uġigħ ta’ ras fit-tlettax ta’ Marzu. L-awtoritajiet tas-saħħa qed jaħsbu li l-mara setgħet ittieħdet minn sintomi ħfief li kellu żewġha – li ma kienx mar għax-xogħol meta wasal lura mis-safar.
Każ ieħor huwa Ingliż ta’ tnejn u tletin sena li jgħix Malta u ġie mill-Ingilterra fit-tlettax ta’ Marzu. Is-sintomi ħarġulu l-għada. Ir-raġel kien qiegħed fi kwarantina volontarja u martu wkoll qed tinżamm kwarantina. L-awtoritajiet tas-saħħa għaddejjin b’eżerċizzju ta’ identifikazzjoni tan-nies li kienu fuq l-istess titjira miegħu.
Is-sitt każ importat minn barra l-pajjiż huwa Malti ta’ dsatax-il sena li kien l-Irlanda bejn il-ħamsa u l-għaxra ta’ Marzu ma’ grupp li wieħed minnhom diġà rriżulta pożittiv għall-coronavirus fl-aħħar jiem. Huwa student universitarju imma ma marx l-Università, għalkemm mar ix-xogħol u qed isir eżerċizzju biex jiġu identifikati dawk li setgħu kellhom kuntatt miegħu.
It-tliet każijiet li ħadu l-virus bi trażmissjoni lokali, jaħdmu fil-qasam tas-saħħa.
Tnejn minnhom, raġel ta’ sitta u tletin sena u tfajla ta’ tlieta u għoxrin sena, kellhom kuntatt mat-tfajla li taħdem fil-qasam tas-saħħa u li rriżultat fil-pożittiv għall-virus fil-ġranet li għaddew.
Il-persuna l-oħra setgħet ġiet infettata b’dan il-kuntatt ukoll, jew għax tgħix ma’ Taljan li kien imsiefer.
Il-Professur Gauci sostniet, “It-tim tal-Infection Control ta’ Mater Dei bħalissa għaddej bl-assessjar biex naraw x’kienu l-whereabouts ta’ din il-healthcare worker waqt li kellha s-sintomi però n-nies, il-healthcare workers li jaħdmu magħha, kif sirna nafu bil-każ, mill-ewwel eskludejnihom mix-xogħol bħala mezz ta’ prekawzjoni.”
It-total ta’ każijiet ta’ persuna li rriżultaw pożittiv għall-coronavirus laħħaq it-tletin.
“L-istat ta’ saħħa tagħhom huwa tajjeb ħafna, infatti minn dawn, kollha t-tletin, diġà kellna tnejn li fiequ u aħna għaddejjin bi proċess biex dawk kollha l-oħrajn inkomplu nagħmlulhom it-testijiet wara li ma jibqgħux bid-deni ħalli hekk ukoll inkunu nistgħu nikkonfermaw dawk li jkunu fiequ wkoll matul il-ħin.” Ikkonkludiet tgħid il-Professur.
Intant, waħda mill-persuni infettati bil-COVID-19 hija Għawdxija li taħdem f’Malta.
Fi stqarrija, il-Ministeru għal Għawdex qal li din il-pazjenta ttieħdet l-isptar f’Malta b’ambulanza permezz ta’ vjaġġ apposta tal-Gozo Channel.