Tmien t’ijiem wara li f’pajjiżna feġġew l-ewwel każijiet ta’ coronavirus, l-awtoritajiet tas-saħħa ħadu diversi miżuri li żviluppaw anki maż-żmien.
Kien is-Sibt filgħodu sebgħa ta’ Marzu.
Filwaqt li sa issa, f’pajjiżna l-każijiet ta’ coronavirus baqgħu kollha impurtati, il-miżuri ta’ prekawzjoni kontra t-tixrid ta’ dan il-virus żdiedu mal-jiem.
Qabel mal-coronavirus daħal f’pajjiżna, l-awtoritajiet tas-saħħa kienu kontinwament qed jisħqu fuq il-ħasil tajjeb tal-idejn bl-ilma u bis-sappun u anki bl-alkoħol.
Aċċennaw ukoll biex kull min kien ġej minn postijiet inizjalment milquta mill-coronavirus, fosthom it-tramuntana tal-Italja, iċ-Ċina u l-Ġappun jagħżlu li joqgħodu kwarantina ta’ erbatax-il jum fi djarhom.
Is-sitwazzjoni kienet fluwida u fis-sigħat bikrin tat-Tlieta filgħodu, il-Prim Ministru ħabbar li l-Gvern Malti waqqaf il-vjaġġi kollha bejn Malta u l-Italja.
Minn hemm bdiet ħidma biex Maltin li kienu fl-Italja u jridu jiġu lura, jiġu organizzati vjaġġi speċjali għalihom.
Ftit tas-sigħat wara l-Gvern kompla bil-miżuri ta’ prekawzjoni kontra t-tixrid tal-coronavirus fejn kien hemm restrizzjonijiet fuq attivitajiet tal-massa.
Tul il-ġimgħa dawn ir-restrizzjonijiet komplew jiżvolġu mas-sitwazzjoni hekk kif kienu bosta li ħassru l-attivitajiet tagħhom fosthom il-festa ta’ San Ġużepp fir-Rabat u dik ta’ San Patrizju li kellha ssir fi tmiem din il-ġimgħa partikularment f’San Ġiljan u l-Floriana.
Diversi koppji li kienu se jiżżewġu kontra qalbhom bagħtu lil mistednin tagħhom li qed iħassru jew jipposponu t-tieġ tagħhom.
Ingħalqu wkoll il-knejjes u dawk kollha setgħu jsegwu l-quddies minn fuq it-televiżjoni.
Fil-jum tal-Erbgħa twaqqaf l-ivvjaġġar kollu mal-Iżvizzera, il-Ġermanja, Franza u Spanja, wara li f’dawn l-erba’ pajjiżi wkoll telgħet b’rata qawwija ħafna it-trażmissjoni tal-coronavirus.
Dakinhar ukoll il-Prim Ministru kien ċar fuq kwarantina mandatorja.
Fil-jum tal-Ħamis, il-Prim Ministru ħabbar ukoll l-għeluq tal-iskejjel u ċ-childcare centres.
Imbagħad fil-jum tal-Ġimgħa, il-Prim Ministru ħabbar li kull min jidħol f’pajjiżna minn kull parti tad-dinja jrid joqgħod fuq kwarantina mandatorja u b’hekk l-industrija tat-turiżmu ntlaqtet fil-laħam il-ħaj.
Hawn hekk reġa’ saħaq fuq il-multa ta’ elf ewro għal kull ma josservax il-kwarantina u minnufih il-pulizija bdiet bl-infurzar.
Id f’id ma’ dawn il-miżuri l-Gvern daħħal miżuri importanti biex jilqgħu għall-impatt ekonomiku.
Lin-negozji, il-Gvern ipposponielhom il-ħlas tal-kontijiet tat-taxxa dovuti f’Marzu u f’April.
Miżura li se jgawdu minnha wkoll dawk li jaħdmu għal rashom.
Intant miżuri partikolari oħra komplew iħejju lil pajjiż biex jilqa’ għal din l-imxija li laqtet lid-dinja kollha.
F’Għawdex li sa issa għadu ħieles mill-coronavirus beda l-iscreening fiċ-Ċirkewwa u fil-port tal-Imarr.
Fid-djar tal-anzjani imbagħad ma baqgħux jidħlu viżitaturi biex dawk meqjusa fost l-aktar vulnerabbli jiġu protetti kemm jista’ jkun minn dan il-virus.
L-awtoritajiet niedew bosta numri tat-telefon;
- 111 – għall-persuni li jħossu s-sintomi tal-coronavirus.
- 21 411 411 – għall-persuni fi kwarantina mandatorja li għandhom bżonn provvista ta’ ikel u mediċini.
- 2204 2200 – għall-Maltin li jinsabu f’pajjiż u jridu jiġu lura.
- 2294 4511 – għal dawk li jridu jirrapportaw xi ħadd li mhux qiegħed josserva l-obbligi tiegħu ta’ kwarantina.
Fit-toroq u l-pjazzez Maltin spikkaw ix-xeni kajmani u d-dehra ta’ ferm inqas nies mis-soltu.
Dan rajnih ukoll fis-swieq fl-irħula fejn ramaw biss il-bejjiegħa tal-ikel.
Fuq kollox bosta nies għamlu l-ħażna tal-ikel fejn marru jagħmlu x-xirjiet tagħhom fis-supermarkets.
F’dan l-isfond, l-awtoritajiet appellaw biex in-nies jagħmlu x-xirjiet tagħhom b’mod normali, bil-Gvern tkellem mal-ħwienet ewlenin u lkoll stqarrew li l-ħażna tal-ikel ta’ pajjiżna hija tajba.
Il-mużewijiet u bosta stabbilimenti għalqu u oħrajn li kienu fuq kwarantina ħaduha b’mod leġġer.
Uħud kienu ta’ ispirazzjoni għall-oħrajn ta’ kif iqattgħu l-ħin magħluqin fi djarhom f’dan iż-żmien fejn id-dinja waqfet biex tegħleb il-coronavirus.