Minn għada se jkun offrut is-servizz ta’ Childcare lit-tfal li għandhom il-ġenituri jaħdmu fil-qasam tas-saħħa. Dan sabiex il-ħaddiema kollha li jaħdmu f’dan il-qasam ma jkollhomx problema jirraportaw għax-xogħol f’dan iż-żmien kruċjali.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici spjega kif dan huwa parti mill-pjan li ilu mħejji għal kull eventwalià fid-dawl tat-tifqieha tal-virus Covid 19.
Huwa spjega kif l-għażla tal-iskola li fiha se jinżammu t-tfal kienet waħda li tagħmel il-ħajja iżjed faċli għal ġenituri li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa.
“Se jiftaħ bejn is-sebgħa ta’ filgħodu u l-erbgħa ta’ filgħaxija u l-pjan huwa li jekk ikun hemm bżonn inżidu dawn il-ħinijiet u se jkun stabilit fl-iskola primarja ta’ San Ġwann li hija l-eqreb skola jew waħda minn żewġ skejjel qrib ħafna tal-isptar Mater Dei.”
Fl-iskola qed jittieħdu miżuri straordinarji biex ma jkunx hemm periklu ta’ trażmissjoni tal-virus bejn it-tfal. Il-miżuri saru fuq rakomandazzjonijiet tal-esperti tas-saħħa.
“Hawnhekk qed nitkellmu dwar it-tfal tagħhom stess u dawn jinkludu li jkun hemm sanitisation kuljum tal-klassijiet kollha, jiġifieri llum sar l-ewwel sanitisation u ħa jsir hekk kuljum. Se jintużaw thermal guns biex wieħed jiċċekja u jagħmel checking fuq kull tifel u tifla kuljum u se jkun hemm il-provedimenti kollha ta’ dak kollu li jkun hemm bżonn f’termini ta’ affarijiet li jilqgħu għal dawn, għat-tixrid ta’ xi tip ta’ virus jew xi mard ieħor.”
Hekk kif ingħalqu l-iskejjel, tfassal grupp ta’ ħidma bi ftehim mal-MUT, bil-għan li jara l-impatt fuq il-kurikulu. Spjega li maż-żmien se jkunu qed jittieħdu numru ta’ deċiżjonijiet skont iċ-ċirkostanzi.
Sadattant se jiġu ntrodotti sistemi ta’ tagħlim virtwali, u għal studeti primarji u sekondrji se jkun introdotta paġna bir-riżorsi.
“Minn nhar it-Tnejn, minn għada jiġiferi ser ikun hemm website ‘curriculum.gov.mt’ li ser ikun depożitarju ta’ ħafna riżorsi u materjal għal kull sena u kull suġġett.”
Il-Ministru Bonnici fakkar ukoll li minn għada se jibdew tmien korsijiet tat-tagħlim tul i-ħajja bi streaming dirett fuq l-internet.