Sal-aħħar ta’ Marzu d-Dipartiment tas-Saħħa se jkollu disponibbli total ta’ sitt mija u tmenin sodda f’każ ta’ tifqiegħa tal-coronavirus f’pajjiżna.
Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne f’waħda mis-swali l-ġodda li ħadet post klassi biswit il-kappella tal-isptar Mater Dei.
Spjega kif se jkun hemm żieda ta’ kważi ħames mitt sodda ġdida ma’ dawk li hemm diġà.
“Aħna ppreparati biex b’hekk ġol-isptar soddod ġodda se jkollna 274. Jekk tgħodd is-soddod li kellna barra l-isptar mas-soddod ġodda li għandna ġo dan l-isptar ifisser li għandna kważi 500 sodda ġdida li nkunu nistgħu nużaw jekk tinqala’ l-ħtieġa”
Il-Ministru tas-Saħħa kompla jispjega li n-numru ta’ soddod fit-Taqsima tal-Kura Intensiva żdiedu bi tmenin hekk kif fl-aħħar jiem tlesta x-xogħol fuq estensjoni ta’ din it-taqsima u spjega li tbattlu wkoll it-taqsimiet tal-kura intensiva tal-qalb.
Qal li pajjiżna ħaseb bil-quddiem u xtara ukoll erbgħin ventilatur ġdid bil-għan li jkunu jistgħu ifornu lil din it-taqsima.
F’każ ta’ influss ta’ pazjenti morda bil-coronavirus l-Isptar Mater Dei lesta Emerġenza ġdida fuq in-naħa ta’ wara tal-isptar, fejn l-Università, bil-għan li persuni li jidħlu l-isptar għal raġunijiet mediċi oħra ma jitħalltux ma’ dawk infettati bil-coronavirus li se jkunu qed jgħaddu mill-emerġenza attwali.
Il-Ministru għas-Saħħa spjega wkoll li mit-Tlieta li ġej se jkunu qed jiġu posposti operazzjonijiet u appuntamenti tal-outpatients li ma jkunux urġenti bil-għan li jkun hemm għad-dispożizzjoni mas-sittin sodda oħra.
Fearne spjega li kawża ta’ dan se tinħoloq lista ta’ stennija li mistennija tiġi indirizzata kompletament fi żmien sitt xhur minn meta hu mistenni li kollox jirritorna għan-normal.
Id-Deputat Prim Ministru spjega wkoll li mit-Tnejn l-Isptar Boffa se jkun qiegħed ukoll għal-lest biex jilqa’ pazjenti bil-coronavirus hekk kif id-dipartiment tad-dermatoloġija tmexxa għal bini ieħor fil-Gżira.
Filwaqt li saħaq li wieħed jittama li dawn il-preparamenti jkunu saru għalxejn, ir-responsabbiltà titlob li pajjiżna jkun mħejji sew f’każ li n-numru ta’ każijiet jikber sew.
Chris Fearne kompla jispjega li l-għan tal-Awtoritajiet tas-Saħħa hu li t-tifqiegħa tal-virus tkun maqsuma fuq perjodu itwal biex is-servizzi tas-saħħa jkunu jistgħu jibqgħu jaħdmu sew u jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ kulħadd bl-aħjar mod.
“Aħna nippreferu li jekk aħna jkollna numru ta’ pazjenti, dawk il-pazjenti nferrxuhom kemm nistgħu fuq medda ta’ żmien biex ma jiġux kollha f’salt u allura jekk ġej volum ta’ ilma fuqna ma jkunx xmara u mhux tsunami. Aħna xogħlna hu illi nipprevenu t-tsunami imma li jkollna x-xmara li nistgħu nikkontrollaw”