Ħanut li jbiegħ logħob tal-Playstation, esperjenza żieda sostanzjali fil-bejgħ fl-aħħar jiem, hekk kif aktar nies qegħdin jibqgħu f’darhom minħabba l-imxija tal-Coronavirus.
Charlot Azzopardi, sid ta’ ħanut tal-video games f’Birkirkara spjega li din il-qabża segwiet tnaqqis. Huwa stqarr: “Nistgħu ngħidu li naħseb li żdied b’xi 30% biss ftit qabel il-bejgħ kien naqas drastikament. Naħseb marru biex jixtru l-ikel in-nies.”
Semma li diversi nies li qegħdin ġewwa bi prekawzjoni jew inkella huma obligati li jibqgħu fi kwarantina, għall-ewwel darba f’ħajjithom qegħdin jagħżlu li jqattgħu il-ħin jilgħabu xi logħba jew oħra.
Azzopardi spjega: “Min per eżempju lanqas hu gamer fil-verità jgħidlek għandi ġimgħa ġewwa x’parir ħa ttini, issib dawn in-nies jixtru playstation għax għandu ġimgħa ħmistax ġewwa u jixtri playstation u logħba biex jagħmel ħmistax ġewwa jilgħab din il-logħba.”
Kompla jgħid li l-metodu ta’ kif jinxtara u jitwassal il-logħob, inbidel ukoll. Huwa sostna: “Kien hemm min qiegħed kwarantina, iħallasna bl-online banking imbgħad inħallulu l-oġġett hemmhekk nafu li ħa joħroġ, id-delivery jmur jippickjaha, minn kollox. Kien hemm bagħat l-ommu, rush hawnhekk tixtri. Kien hemm mix minn kollox.”
Madanakollu sid il-ħanut huwa inċert dwar x’se jiġri jekk is-sitwazzjoni preżenti tippersisti.
Qal li jinsab f’komunikazzjoni kontinwa mal-fornituri barra minn Malta.
Azzopardi kompla jispjega: :Xogħol li għandi l-warehouse nista’ nibgħatlek, xogħol ta’ new release 99% ħa tkun problema. Qisa għada bidu, elimina l-Italja, aħna għandna pajjiżi oħra bħal Denmark, Greċja, Franza l-Ewropa qishom għadhom bidu fiha allura l-ġimgħa d-dieħla ħa nkunu nafu minn issa.”
Saħaq ukoll li minħabba l-biża u r-restrizzjonijiet imposti, waqaf kważi għal kollox il-bejgħ f’ħanut ieħor li għandu f’Bugibba fejn il-klijentela kienet l-aktar ta’ turisti.
Mistoqsi dwar il-ħsibijiet tiegħu fuq is-sitwazzjoni, Azzopardi ma qagħadx jomogħda. Huwa wieġeb: “Kulħadd inkwetat biha din. Ma nistax ngħid li qed niġu għax-xogħol kif konna niġu qabel. Il-verita hi li s-saħħa l-ewwel u qabel kollox.”