Il-Ministeru għall-Ġustizzja ħabbar l-għeluq tal-qrati tal-ġustizzja mit-Tnejn li ġej minħabba l-imxija tal-Coronavirus.
Fi stqarrija, il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis qal li din id-deċiżjoni ttieħdet bi qbil mal-Prim Imħallef Joseph Azzopardi u l-President tal-Kamra tal-Avukati Louis de Gabriele.
Madankollu l-istqarrija spjegat li l-qrati tal-ġustizzja għandhom is-setgħa li jiftħu u jisimgħu każijiet urġenti jew każijiet li l-imħallfin u l-maġistrati jħossu li huma fl-interess pubbliku.
Il-Ministru Zammit Lewis stqarr li din id-direttiva li se tidħol fis-seħħ b’avviżi legali se tibqa fis-seħħ sakemm tiġi rrevokata mis-Supretendent tas-saħħa Pubblika.
Qal li din il-miżura qed tittieħed bil-għan li tkun imħarsa s-saħħa ta’ dawk kollha li jidħlu l-qorti u biex tiżdied il-protezzjoni mit-tixrid tal-Covid-19 fl-interess tas-sigurtà u s-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Sadattant, l-Awtoritá tax-Xandir appellat lill-ġurnalisti u x-xandara biex ikunu kawti fil-mod ta’ kif jirrapurtaw l-iżviluppi marbuta mal-pandemija tal-Coronavirus. Dan filwaqt li appellat lill-pubbliku sabiex iserraħ fuq sorsi u stqarrijiet uffiċjali sabiex ma jinħoloqx allarm żejjed u bla bżonn.