F’konferena tal-aħbarijiet f’Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li b’effett immedjat kull min ġej lura Malta minn barra, irrilevanti mil-liema pajjiż ġej, irid josserva kwarantina mandatorja.
Dr Abela stqarr li kull min se jirfes Malta hu soġġett li jagħmel 14-il jum kwarantina obbligatorja u wissa li min ma josservax dan l-obbligu jeħel mula ta’ elf ewro għal kull darbja li ma jkunx obda.
“Biex inżommu s-sitwazzjoni kkontrollata u tajba kif inhi f’pajjiżna illum l-obbligu ta’ kwarantina obbligatorja, kwarantina ta’ bilfors, se jkun qed jestendi għal dawk kollha li se jkunu deħlin f’Malta ġejjin minn liema pajjiż ġejjin.”
Dr Abela qal li jifhem li l-multa imposta hija iebsa ħafna, iżda tenna li dan qed isir biex iservi ta’ deterent u sabiex kulħadd jimxi mad-direttivi li qed jixxandru.
“L-effett fil-Prattika x’inhu? Naħseb ma tridx tkun f’sensik biex tgħid ħa mmur Malta nagħmel ġimgħa u noqgħod imsakkar fil-kamra tal-lukanda, jiġifieri l-miżura hija waħda b’saħħitha ħafna. Tgħidli għaliex ma mortux mill-ewwel għal lockdown tal-airports? Hemm numru ta’ Maltin, numru ta’ Għawdxin li jridu jiġu lura lejn pajjiżna, li nqabdu barra l-pajjiż u li jridu jirritornaw lura u għalhekk naħseb li hija miżura li tissalvagwardja b’mod mill-aktar b’saħħtu is-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi u hija l-miżura li ġiet indikata lilna illi għandna napplikaw f’dan il-mument partikolari.”
Il-kwarantina mandatorja daħlel fis-seħħ il-Ħamis filgħaxija permezz ta’ avviż legali li ta s-setgħa lill-pulizija li timmulta lil kull min jikser l-obbligi tal-kwarantina.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet, Dr Abela ħabbar ukoll li se jibda screening fuq il-vapuri tal-Gozo Channel waqt li x-xufiera tal-karozzi tal-linja ngħataw ordni biex ma jgħabbux passiġġieri bilwieqfa u jħallu t-twieqi miftuħin.
Il-Prim Ministru innota b’sodisfazzjon kif waħda mill-ewwel persuni infettati bil-Coronavirus f’pajjiżna fieqet mill-virus u ser tkun irrilaxxata mill-isptar.
“Dan ikompli jikkonferma kemm għandna sitwazzjoni li hija taħt kontroll fil-pajjiż, kemm m’hemmx lok ta’ paniku u allura nibqa’ nappella għall-kalma”
Id-deputat Prim Ministru Chris Fearne spjega li l-virus ma jinxteridx jekk il-persuna ma tiżviluppax is-sintomi tal-coronavirus.
“Min se joqgħod kwarantina għad m’għandux, ħafna drabi m’għandux il-mikrobu, kull ma kien f’possibiltà li jkollu, u anke jekk ikollu ikun għadu ma ħariġx u mhux infettiv. U lanqas nistgħu nikkonfermaw li għandu għaliex inkunu nistgħu inkunu nafu biss meta juru joħorġu s-sintomi. Jiġifieri inutli tagħmel test, swab fuq persuna li għadu mhux sintomatiku, għax jiġi ‘negative’ u imbgħad isir ‘positive’ biss ladarba jkunu ħarġu s-sintomi.”
Il-Ministru għas-Saħħa spjega li f’pajjiżna hawn tliet ċentri fejn qed jinġabar l-ikel għall-persuni fi kwarantina. Qal li dan qed jitqassmilhom fi żmien 24 siegħa wara li jċemplu fuq il-helpline 21411411. It-tqassim qed isir mill-awtoritajiet tas-saħħa u s-suldati tal-forzi armati Maltin.
Ħabbar ukoll li fiċ-ċentri tas-saħħa daħlu fis-seħħ għadd ta’ miżuri biex jitnaqqsu n-nies bla bżonn billi qed tiġi żviluppata sistema online.