Il-Ministru għall-Enerġija Michael Farrugia ħabbar li tlestew it-tiswijiet fuq l-interconnector bejn Malta u Sqallija.
“Wieħed jista jgħid li l-interconnector issewwa, bħalissa għaddejjin it-testijiet, illejla llum il-Ġimgħa se jkun qiegħed l-Enemalta tista’ tixtri l-elettriku mill-interconnector u għalhekk issa l-Enemalta qiegħda f’pożizzjoni li tista’ tixtri mill-interconnector, mill-power station u mill-enerġija alternattiva.”
Ix-xogħlijiet ta’ tiswija fuq l-interconnector bdew lejn l-aħħar ta’ Frar li għadda wara li fit-23 ta’ Diċembru li għadda, sarlu ħsara kbira minn aktar ta’ tanker li kien qiegħed ibaħħar lil hinn mill-kosta ta’ Sqallija.
Il-Ministru spjega li l-cable kellu żewġ ġonot imżarta. Qal li wara li ssewwiet il-parti tal-interconnector fuq in-naħa ta’ Malta, fl-aħħar ġimgħa bdiet ħidma biex tissewwa l-ħsara fuq in-naħa ta’ Sqallija.
Spjega li saret l-istess proċedura fejn il-cable ittella’ minn qiegħ il-baħar u ġġannat mal-ispare cable.
Il-Ministru qal li fl-aħħar sigħat saru testijiet biex jiġi assigurat li l-interconnector qed jaħdem kif suppost/ Qal li kollox juri li l-affarijiet mexjin fid-direzzjoni t-tajba.
Huwa żied jinnota li t-tiswija saret f’inqas minn tliet xhur u swiet mal-ħdax-il miljun ewro li għandhom jagħmlu tajjeb għalihom l-assikurazzjoni.
Mistoqsi minn ONE NEWS jekkk pajjiżna hux lest għal żieda fid-domanda għall-elettriku peress li aktar nies se jibqgħu fi djarhom minħabba l-Coronavirus, Dr Farrugia qal li l-elettriku xorta jrid jibqa’ jiġi ġġenerat u l-provvista tal-ilma trid tibqa’ tasal fid-djar tal-familji.
Qal li għalhekk grupp ta’ ħaddiema li se jibqgħu jaħdmu fil-powerstation u fid-dipartimenti minn fejn tiġi fornuta l-enerġija.
“Għandna supply biżżejjed għal pajjiżna anke jekk tiżdied ħafna ħafna iktar id-domanda minn dak li hija normali. Tajjeb niġbed l-attenzjoni wkoll li l-interconnector issewwa f’nofs iż-żmien li qiegħed jiġi stmat f’Diċembru li għadda u inserraħ moħħ il-poplu Malti u Għawdxi li l-enerġija għandna altru minn biżżejjed.”
Il-Ministru ta ħajr l-ħaddiema u t-tekniċi li ħadmu lejl u nhar fuq l-operazzjoni delikata tat-tiswija tal-interconnector, fosthom dawk li kienu fi Sqallija minkejja ċ-ċirkostanzi diffiċli tal-aħħar jiem.