Fil-kuntest ta’ xi impatt negattiv kawża tal-Coronavirus, iktar kmieni din il-ġimgħa, il-Lombard Bank Malta p.l.c. offra lil kull klijent li għandu self miegħu, għajnuna ta’ cashflow.
Peress li din il-pandemija tista’ twassal għal konsegwenzi negattivi fuq in-negozju tal-klijenti tiegħu, il-Bank alloka €12.5 miljun, sabiex jipprovdi working capital temporanju lil dawk il-negozji li jistgħu jaffaċċjaw nuqqas ta’ likwidità.
Dan il-fond se jkun offrut b’kundizzjonijiet favorevoli, inkluż rata ta’ imgħax fuq is-self ta’ 2.5% fis-sena għal ammonti sa €350,000 il-wieħed għal sa 18-il xahar. Ir-rata tkun fissa għal tul is-self.
Kull każ jiġi trattat fuq il-merti tiegħu, u jkun suġġett għal kriterji ta’ self normali, fil-waqt li ma jkunx hemm processing fees.
Din l-inizzjattiva sejra tkun apparti minn kull inizzjattiva oħra li l-Bank jista’ jintroduċi għal-klijenti tiegħu bħala għajnuna waqt dawn iż-żminijiet straordinarji.
Dawk il-klijenti tal-Lombard Bank li jixtiequ jsiru jafu iktar kif jistgħu jagħmlu użu minn dan il-fond huma mitluba jagħmlu kuntatt mar-relationship manager tagħhom.