‘Hemm bżonn ta’ appoġġ u azzjoni kkoordinata fuq livell baġitarju b’risposta għal din il-kriżi,’ qalu Membri tal-Parlament Ewropew lill-President tal-Kunsill Charles Michel.
Il-Kap tad-delegazzjoni Maltija tal-S&D Miriam Dalli u l-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar, membru tal-kumitat tal-industrija tal-PE, iffirmaw ittra mibgħuta lill-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel. Fl-ittra jħeġġu lill-Unjoni Ewropea biex tadotta azzjoni kkoordinata b’urġenza. Dan fid-dawl tal-impatt ekonomiku u soċjali tal-Coronavirus.
L-ittra, mibgħuta fuq l-inizjattiva tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, kienet iffirmata mill-MEPs tal-PPE, il-Ħodor, il-GUE u r-Renew. L-Ewroparlamentari qalu li l-Ewropa tista’ diġà tinnota l-konsegwenzi ekonomiċi u ta’ saħħa tal-epidemija. Dawn il-konsegwenzi huma enfasizzati minn għexieren ta’ snin ta’ nuqqas ta’ investiment fl-infrastruttura pubblika.
“F’din il-kriżi tas-saħħa hemm ir-responsabbiltà li naġixxu. Kważi m’hemm l-ebda flessibilità għall-politika monetarja fl-Ewropa u, fi kwalunkwe każ, ma nistgħux nistennew li l-Bank Ċentrali Ewropew jaġixxi waħdu. Irridu nintervjenu bl-għodda tagħna stess biex nillimitaw l-effett ta’ din il-kriżi fuq il-popolazzjoni,” qalu l-Ewroparlamentari.
Il-MPE qed jitolbu investiment b’saħħtu fl-infrastrutturi pubbliċi. Żiedu jgħidu li “l-politika fiskali tista’ tgħin lill-banek u s-swieq, iżda wkoll lill-vittmi li għaddejjin minn xokk fuq saħħithom u fuq l-aspett ekonomiku f’ħajjithom.”
“Qed nitolbu lilek u l-istituzzjoni tiegħek biex, fuq livell baġitarju, tappoġġja azzjoni immedjata u kkoordinata b’risposta għal din il-kriżi. Ir-risposta tinsab fir-reviżjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir,” ikkonkludew il-MPE.