Wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa, l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex qegħdin iwaqqfu l-funzjonijiet reliġjużi kollha, inkluż il-Quddies ta’ kuljum u ta’ nhar ta’ Ħadd, u l-katekeżi tat-tfal, fl-Arċidjocesi ta’ Malta u d-Djoċesi ta’ Għawdex. Għalhekk, l-Isqfijiet qegħdin jagħtu lill-Insara dispensa mill-obbligu tal-Quddies ta’ nhar ta’ Ħadd. Din il-miżura ta’ prekawzjoni tidħol fis-seħħ b’effett immedjat u qed tittieħed għall-ġid komuni u biex jiġu mħarsa b’mod speċjali dawk l-aktar vulnerabbli.
F’każ ta’ funeral, is-saċerdot ser imexxi r-rit tat-tberik tal-fdalijiet fiċ-ċimiterju, peress li dan huwa post fil-miftuħ, fil-preżenza tal-qraba l-aktar stretti. Is-saċerdot imbagħad, fil-privat, joffri Quddiesa b’suffraġju għal ruħ il-mejjet.
Il-knejjes ser ikunu miftuħin fil-ħinijiet tas-soltu għal mumenti ta’ talb privat.
Dawn il-miżuri jibqgħu fis-seħħ sakemm jingħata avviż ieħor.
L-Insara huma mistiedna biex xorta waħda jingħaqdu fit-talb billi jsegwu x-xandiriet tal-Quddiesa.
Għada, il-Ġimgħa 13 ta’ Marzu f’nofsinhar, l-Arċisqof Charles J. Sicluna ser imexxi Quddiesa mill-Kappella tal-Kurja, il-Furjana.
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa, ser tixxandar Quddiesa fid-9:30 a.m. u Rużarju quddiem Ġesù Ewkaristija fil-5:30 p.m., mill-Kappella tal-Kurja, il-Furjana.
Is-Sibt u l-Ħadd, TVM2 ser ixandar iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddies mis-Santwarju ta’ Pinu, Għawdex, u minn knejjes f’Malta.
L-Isqfijiet iħeġġu għat-talb u jistiednu lill-Insara biex il-familji jitolbu t-talba tar-Rużarju.