Fl-isfond tal-aħħar żviluppi marbuta mal-coronavirus, f’dawn l-aħħar jiem il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta kompla jsegwi din is-sitwazzjoni u għaldaqstant, waqt seduta imsejħa b’urġenza mis-Sindku Alfred Zammit fil-presenza tal-Kunsilliera tal-lokalitá tal-Belt Valletta, ittieħdet id-deċiżjoni li l-attivitajiet kollha li kienu qed jiġu organizzati b’rabta ma’ Jum il-Belt Valletta, li kellhom isiru fis-27 u t-28 ta’ Marzu, jitħassru kollha bħala prekawzjoni sanitarja.
Fl-istess laqgħa ġie deċiż li l-Kunsill Lokali mhu se joħroġ l-ebda permessi għal attivitajiet tal-massa u attivatijiet ġo pjazzez, jew attivitajiet oħra organizzati fi stabbilimenti kummerċjali. Il-Kunsill Lokali jappella lill-istess stabbilimenti, speċjalment dawk tal-ikel u x-xorb, sabiex jimxu mar-regoli tas-seating capacity, skont il-permess mogħti lilhom mill-awtoritajiet. Intant kull permess ieħor li diġà ngħata mill-Kunsill Lokali u li japplika għall-jiem li ġejjin, se jkun qed jiġi revokat b’seħħ immedjat.
Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta jappella lill-kulħadd, speċjalment lill-komunità kummerċjali tal-Belt Kapitali, sabiex f’dan il-mument partikolari kulħadd jikkopera u jimxi skont il-linji gwida li qed joħroġ il-Gvern u d-Dipartiment tas-Saħħa. Aktar minn hekk, nappellaw lill-anzjani Beltin, li f’dan il-mument huma fost l-aktar vulnerabbli għal dan il-virus, sabiex jevitaw il-ħruġ bla bżonn.
Din id-direttiva tgħodd sal-ewwel ġimgħa t’April.