Il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li hija tabilħaqq ħasra li fiċ-ċirkostanza li d-dinja u Malta għaddejjin minnha, u fejn il-poplu qed jistenna li l-klassi politika tiġbed ħabel wieħed, l-Oppożizzjoni ppubblikat informazzjoni skorretta dwar l-iskejjel f’ bl-għan li tallarma n-nies.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol qal li l-verità hija li l-Gvern ħaseb minn qabel u xtara fliexken tas-sanitizers biex iqassam fil-klassijiet tal-iskejjel.
Fil-fatt, inxtraw u tqassmu 2,443 flixkun sanitizer tal-130ml u 991 flixkun tal-500ml.
It-tqassim beda mit-2 ta’ Marzu, u kull skola rċeviet konsenja għall-klassijiet tagħha.
Il-Ministeru qal li għandu aktar fliexken ordnati, u kif jaslu se jerġa’ jqassam fl-iskejjel.
Dan minbarra li kull kulleġġ u kull skola qed jieħdu ħsieb li s-sapun tal-idejn ikun disponibbli fil-faċilitajiet sanitarji kollha, apparti minn xiri ta’ fliexken oħra ta’ sanitizers.
Il-Ministeru ħeġġeġ in-nies li jaħslu jdejhom għal mill-inqas 20 sekonda regolarment. Qal li din hija miżura sempliċi imma effettiva biex wieħed jikkumbatti kull potenzjal ta’ tixrid ta’ mard ta’ dan it-tip.
Intant, il-Gvern appella għall-maturità u l-interess nazzjonali mill-klassi politika kollha.