Iċ-Chariman tal-Air Malta, in-Nutar Charles Mangion ħabbar li l-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta ħadet bosta miżuri kontra l-imxija tal-Coronavirus.
Ħabbar li l-Air Malta nediet żewġ inizjattivi fejn kull passiġġier jista’ jipposponi l-vjaġġ tiegħu filwaqt li issa jista’ jagħmel ukoll użu mill-kategorija ta’ Go Safe li permezz tagħha persuna tkun tista’ tikkanċella l-vjaġġ tiegħu sa tletin jum qabel u jieħu flusu lura.
Is-Sur Mangion spjega: “Qegħdin nantiċipaw ukoll x’se jiġri wara li din il-pandemija tiġi kkontrollata. U ċertament ħa jkollna ħafna linji tal-ajru li ħa jikkompetu bis-sħiħ biex jerġgħu jġibu l-klijenti. Aħna diġa’ għamilna żewġ fejn tajna ċ-ċans lil min kellu booking biex jipposponi l-vjaġġ tiegħu sal-aħħar tas-sena u ħriġna a fare ta’ Go Safe, iħallas xi ħaġa iktar u jekk irid jibbukja, jista’ jikkanċella u jieħu refund.”
Il-Kap tas-Saħħa u s-Sigurtà tal-Air Malta, Kenneth Aquilina spjega li kull ajruplan qiegħed jiġi ddiżinfettat f’kull sitwazzjoni iżda issa b’din it-tifqiegħa, reġgħet irrevediet l-kimiċi użati biex jassiguraw l-ogħla livell ta’ iġjene.
Hu qal ukoll li l-ekwipaġġ huwa ndukrat sew u infurmat fuq kif għandhom jaffaċċjaw suspett ta’ mard.
Is-Sur Aquilina fisser: “Ovvjament bdejna mill-affarijiet anki l-iktar bażiċi fejn żidna xi tindif ta’ proċeduri normali tal-ajruplan. Żidna wkoll l-ammont ta’ sapun li jkun hemm on board u l-cabin crew ingħataw ukoll il-hand sanitizers.”
Il-Kap Eżekuttiv Clifford Chetctuti stqarr li s-sezzjoni maniġerjali qiegħda f’kuntatt kontinwu mal-ħaddiema tal-kumpanija biex jaċċertaw li dawn ikunu jistgħu jkomplu l-operat tagħhom.
Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri tenna li l-ewwel prijorità tal-Gvern tibqa’ s-saħħa tal-Maltin u qal li l-kumpanija tinsab preparata mil-lat ekonomiku biex tagħmel tajjeb għat-telf li tista’ tagħmel waqt din il-pandemija.