Il-President ta’ Malta George Vella esprima d-dispjaċir tiegħu għal dawk li ħadu l-infezzjoni u awguralhom fejqan ta’ malajr.
F’messaġġ li għadda, it-tabib George Vella qal li sa mill-bidu nett tal-imxija Coronavirus, żamm ruħu aġġornat dwar dak li kien għaddej u dwar l-informazzjoni medika u epidemijoloġika marbuta ma’ din il-marda.
Il-President ħeġġeġ lil kulħadd biex jimxi mad-direttivi u l-pariri li qed jingħataw mill-awtoritajiet tas-saħħa.
Qal li l-faċilitajiet tas-saħħa ta’ pajjiżna ma huma xejn anqas minn dawk fl-aqwa pajjiżi fl-Ewropa.
Fi stqarrija ta’ kuraġġ għal dawk infettati, it-tabib Dr George Vella rrimarka li taħt ċirkostanzi normali, ir-rata ta’ dawk li jfiequ hija għolja ħafna.
L-uffiċċju tal-President avża li numru ta’ laqgħat li kellhom isiru mal-President tħassru jew ġew posposti.
Filwaqt li esprima s-solidarjetà mas-settur kummerċjali ta’ pajjiżna u oqsma oħra minħabba l-impatt ekonomiku li qed iħalli t-tixrid tal-Coronavirus, il-President ta’ Malta rrikonoxxa l-ħidma important tal-professjonisti u nies tekniċi li qegħdin jerfgħu r-responsabbiltà li jippreparaw lil pajjiżna għal din l-imxija u jagħtu l-kura lil min intlaqat minn dan il-virus.
Dr Vella appella lil kulħadd biex filwaqt li ma noħolqux paniku, għandna nevitaw u nbiegħdu kemm jista’ jkun kull okkażjoni li biha jista’ jixxerred il-virus.
Il-President aċċenna fuq il-ħtieġa li nevitaw u nbiegħdu kemm jista’ jkun kull okkażjoni li biha jista’ jixxerred il-virus.