Wara li t-Tnejn twaqqaf l-ivvjaġġar kollu bejn Malta u l-Italja, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li min-nofs il-lejl se jitwaqqaf l-ivvjaġġar kollu bl-ajru u bil-baħar mill-Iżvizzera, il-Ġermanja, Franza u Spanja wara li f’dawn l-erba’ pajjiżi wkoll telgħet b’rata qawwija ħafna it-trażmissjoni tal-Coronavirus.
“Ittieħdet id-deċiżjoni li minn nofsilejl tal-lum jitwaqqaf l-ivvjaġġar minn dawn l-erba’ pajjiżi kemm bl-ajru, kif ukoll bil-baħar. L-istess kif ħabbarna lbieraħ dwar l-Italja ser ikun permess vjaġġar għal dak li huwa kummerċ, jiġifieri għat-trasport ta’ merkanzija, mediċina u ikel.”
F’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja flimkien mad-deputat prim ministru Chris Fearne, Dr Abela qal li dawk li se jidħlu f’Malta minn dan il-pajjiżi huwa obbligat li jagħmlu kwarantina ta’ erbatax-il jum/
Wissa li l-Gvern mhux se jittollera bl-ebda mod li min suppost jagħmel il-kwarantina, ma jagħmilhiex/
Qal li l-kwarantina obbligatorja tgħodd ukoll għal dawk li waslu mill-Italja u pajjiżi oħra li kienu fil-lista ta’ riskju għoli fosthom iċ-Ċina, l-Iran u l-Ġappun fl-aħħar erbatax-il jum.
“Min se jidħol minn dawn l-erba’ pajjiżi llum, kif ukoll min daħal mill-Italja fl-aħħar erbatax-il ġurnata ser ikun soġġett għall-kwarantina. Mhux kwarantina volontarja iżda kwarantina obbligatorja, kwarantina mandatorja. Ser tkun kwarantina li min ma josservahiex ser ikun ukoll soġġett għall-multa. Multa ta’ elf ewro, multa li se tiġi wkoll infurzata, kwarantina li ser tiġi infurzata bi spot checks regolari li ser ikunu qed isiru mill-pulizija tagħna.”
Waqt li tenna l-appell għall-kalma u li s-sitwazzjoni hija taħt kontroll, qal li l-Gvern mhux se jaċċetta irresponsabbiltà. Qal li l-Gvern se jniedi linja telefonika sabiex dawk in-nies li jkunu fi kwarantina jibqa’ jkollhom aċċess għall-prodotti ta’ ikel u mediċini. Qal li dawn ix-xirjiet se jkunu qegħdin jitwasslulhom wara l-bieb/
Spjega li l-kwarantina mandatorja se ssir fid-dar tal-persuni iżda se tolqot ukoll lil dawk kollha li jgħixu fid-dar. Fil-każ ta’ turisti l-kwarantina trid issir fil-kamra tal-lukanda.
Stqarr li l-awtoritajiet qed isegwu b’mod attent ħafna l-iżvilupp tat-tifqiegħa u appella biex min m’għandux bżonn isiefer ma jsifirx. Appella wkoll lill-anzjani biex jibqgħu f’darhom/
Il-Prim Ministru qal li s-saħħa tal-poplu tibqa’ prijorità u se tittieħed kull miżura li hemm bżonn biex tkun issalvagwardjata s-saħħa tal-poplu Malti.
“Jekk kull wieħed u waħda minnha jerfa’ r-responsabiltajiet tiegħu, anke jekk skomdi, huwa ċar li se jkollna livell ta’ skumdita, m’aħniex qed ngħixu fl-iktar perjodu komdu li qatt għexna fih f’ħajjitna u forsi se nkunu qiegħdin ngħixu fl-iktar perjodu skomdu ta’ pajjiżna, pero hekk huwa meħtieġ biex nippriservaw l-iktar ħaġa għażiża għall-bniedem, is-saħħa.”