Wara li l-Prim Ministru ħabbar sensiela ta’ miżuri ġodda kontra t-tixrid tal-coronavirus, mal-ewwel bdew jitħassru attivitajiet tal-massa li kien maħsub li jiġu organizzati fil-jiem li ġejjin.
Il-pellegrinaġġ nazzjonali tar-Redentur tal-Isla li kellu jsir fl-għoxrin ta’ Marzu ġie pospost għall-wieħed u għoxrin ta’ Ġunju.
L-Ariċpriet tal-Bażilika tal-Isla Dun Robin Camilleri qal li wara konsultazzjoni mal-Arċisqof Charles Scicluna ttieħdet din id-deċiżjoni minħabba li kienu se jinqabżu l-elfejn persuna kif iffissat bil-miżura mħabbra mill-Gvern.
Intant tħassret ukoll il-festa ta’ San Ġużepp tar-Rabat li kellha tiġi ċċelebrata bil-kbir din is-sena minħabba l-mija u ħamsin anniversarju mindu San Ġużepp kien ipproklamat patrun tal-knisja universali.
L-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp flimkien mal-Patrijiet Franġiskani, l-Għaqda Mużikali L-Isle Adam u l-Għaqda tan-Nar dsatax ta’ Marzu qabblu li jikkanċellaw il-festi esterni.
Fuq pariri tal-awtoritajiet tħassru wkoll il-festi li kellhom jsiru fil-beraħ f’ġieħ San Patrizju f’San Ġiljan u anki fil-Floriana.
Il-Kunsill Lokali Furjaniż qal li fid-dawl tas-sitwazzjoni preżenti ħassar l-attività fil-beraħ il-Ħadd sabiex tiġi minimizzata kull possibiltà ta’ riskju.
Intant bosta attivitajiet oħra ġew posposti fosthom il-Qormi Music Festival li kellu jittella’ f’Mejju li ġej.
Il-Caritas ukoll ħassret konferenza nazzjonali dwar l-epilessija li kellha ssir is-Sibt li ġej f’lukanda ewlenija f’Buġibba.