Tabib ta’ ħamsa u ħamsin huwa l-ewwel Malti li rriżulta pożittiv għall-Coronavirus. Il-virus ħariġlu l-għada li wasal Malta minn btala fin-naħa ta’ fuq tal-Italja fid-Dolimiti.
F’konferenza tal-aħbarijiet b’rabta ma’ dan il-każ, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmanie Gauci qalet li r-raġel siefer lejn Treviso fl-ewwel ta’ Marzu u rritorna fit-tmienja ta’ Marzu/ Qalet li mill-għada li wasal f’Malta beda juri s-sintomini tal-virus u telagħlu d-deni. Huwa għamel kuntatt mal-awtoritajiet tas-saħħa fejn sarlu swab test u rriżulta fil-pożittiv għal Coronavirus. Madankollu huwa jinsab fi stat ta’ saħħa tajba.
“Il-persuna segwa l-istruzzjonijiet tagħna u għamel is-self quarantine. Dan baqa d-dar tiegħu u qagħad apparti d-dar mill-familja tiegħu. B’hekk jiġi evitat li titrasmessi.”
Il-Professur Gauci ikkonfermaw li r-raġel ma daħalx għax-xogħol għax hu tabib fl-isptar Mater Dei.
Assigurat li dan il-virus ma giex trasmess fl-Isptar Mater Dei, għax kien għadu kif ġie minn barra u l-mikrobu laqqtu mill-Italja waqt il-btala.
“Serrħu moħħ in-nies li dan il-kaz m’għandu xejn x’jaqsam ma’ Mater Dei. Huwa biss persuna li jaħdem hemm, wara holiday u laqqat dan il-mikrobu mill-Italja.”
Qalet li ibnu li kien miegħu għall-btala qatt ma mar skola u s’issa ma wera l-ebda sintomi ta’ din l-influwenza.
Il-professur Gauci qalet li t-tifel qed jinżamm fi kwarantina. L-istess qed jagħmlu t-tliet membri l-oħra tal-familja tiegħu li minkejja li ma marrux għall-btala qegħdin jagħmlu l-kwarantina obbligatorja għax dan huwa każ meqjus b’riskju għoli.
L-awtoritajiet tas-saħħa saħqu li qegħdin isegwu familja oħra li siefru mat-tabib u ibnu.
Is-Supretendent Gauci reġgħet appellat għall-kalma u responsabbilità. Qalet li m’hemmx lok għal paniku fil-pajjiz minħabba li l-Malti laqqat il-virus fl-Italja u mhux f’Malta permezz ta’ trażmissjoni.
“Il-kazijiet li kellna sibna koperazzjoni u għamlu self quarantine u hemmhekk ikun inqas li jiġi trasmess. Għaldaqstant nappella għar-responsabilità lil dawk in-nies ġejjien minn barra.”
Ir-raġel qed jinzamm iżolat f’sezzjoni apposta fl-isptar Mater Dei.