Sa massimu ta’ tmien persuni fl-istess se jkunu jistgħu jiġu ttestjati għal każijiet suspettati ta’ Coronavirus.
Dan f’ċentru apposta fil-komunita Santa Marija f’Ħal Luqa bħala parti mill-isforzi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa sabiex l-imxija tal-virus pajjiżna tkun limitata. S’issa, huma ħamsa l-każijiet magħrufa, kollha ta’ persuni li fl-aħħar jiem kienu fl-Italja.
Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet li dan iċ-ċentru se jkun l-ewwel punt ta’ kuntatt għal dawk li jkunu siefru fl-aħħar 15-il jum u li jħossu sintomi tal-virus mal-awtoritajiet tas-saħħa.
Semmiet li l-post intgħażel biex ikun aċċessibbli faċilment għal kulħadd iżda mhux f’pożizzjoni ċentrali ħalli każijiet potenzjali jkunu diffiċli biex jinxterdu.
Il-Profs. Gauci spjegat: “L-iskop tagħna hu li jekk hemm każijiet hemm barra speċjalment dawk in-nies li marru barra fejn hemm trażmissjoni qawwija u żviluppaw is-sintomi aħna nkunu nistgħu nagħmlulhom it-test għaliex hekk huwa l-uniku mod kif tista’ tiddentifika jekk hux Covid jew mard ieħor respiratorju u fil-każ li jkunu pożittivi aħna niżolawhom u dawk in-nies ta’ madwarhom nkunu nistgħu nagħmlulhom il-contact tracing ħalli kemm jista’ jkun nagħmlu containment tas-sitwazzjoni.”
Dr Gauci qalet li fil-każ ta’ persuni bi problemi fil-mobilità se jkun hemm kamra apposta fl-istess ċentru kif ukoll tim mobbli li jagħmel it-testijiet fil-komunità.
Bil-Professur Gauci twissi li dawk li jmorru f’dan iċ-ċentru jevitaw li jużaw trasport pubbliku.
Fiċ-ċentru dawk suspettati bil-coronavirus se jintlaqgħu barra ċ-ċentru minn ħaddiem tad-dipartiment tas-saħħa liebes ilbies protettiv.
Huwa mbagħad jintalab jidisinfetta jdejh u jilbes maskla protettiva.
Wara huwa jiddaħħal fiċ-ċentru, fejn hemmhekk jittieħed l-iswab.
Fi tmiem it-test permezz ta swab, dan jiġi ssiġġillat f’borża.
Bil-pazjent imbgħad jintbgħat id-dar, iżda mhux qabel ma jerġa jidiżinfetta jdejh.
Il-borza bl-iswab tinxteħed f’borża oħra li tinkludi d-dettalji tal-pazjent u din tittiħed lejn il-laboratorju.
Wara l-pazjent jintbagħat id-dar sakemm jinħarġu r-riżultati. Il-Prof. Gauci kompliet tispjega: “Importanti li meta persuni jiġu hawnhekk jikkoperaw magħna, kif isirilhom it-test huma jmorru lura d-dar u nkunu tajnihom il-guidance kollha li hemm meħtieġa u fis-sitwazzjoni li r-riżultat joħroġ pożittiv hemmhekk aħna ninfurmaw lil dawn il-persuni mbagħad jiskatta l-protokol tagħna fejn għandna n-nies minn Mater Dei li jmorru għal persuna bl-ambulanza u jittieħdu fl-infectious diseases unit fejn inżommu lill-persuni.”
F’dan il-kuntest Dr Gauci qalet li hemm preparamenti biex minbarra s-sodod fl-Isptar Paul Boffa li se jkun qed jintuża jekk ikun hemm żieda fil-każijiet, għaddejja ħidma sabiex jiżdiedu s-sodod għall-pazjenti bil-Coronavirus fl-isptar Mater Dei.
Mistoqsija dwar l-użu tal-linja wieħed wieħed wieħed fl-ewwel jiem tagħha, il-Professur Gauci qalet li din il-linja qed tirċievi iżjed minn 2,000 telefonata kuljum, b’ħafna nies jitolbu pariri u tagħrif dwar dan il-virus.