L-ambaxxatur Malti għall-Italja Joseph Cuschieri qal li l-ambaxxata f’Ruma qed tiġbor id-dettalji ta’ dawk il-Maltin fl-Italja li jridu jirritornaw pajjiżna.
Dan wara li dal-lejl, f’konferenza tal-aħbarijiet, l-Prim Ministru Robert Abela qal li f’laqgħa tal-Kabinett tal-lum se jitfassal pjan għal ċittadini Maltin li jinsabu fl-Italja.
“Il-persuni li jixtiequ jirritornaw Malta għandhom jibagħtu d-dettalji tagħhom, fosthom l-isem, numru tal-karta tal-identità jew il-passaport, numru tat-telefon u l-post fejn jinsabu fuq maltaembassy.rome@gov.mt”, spjega l-ambaxxatur fuq il-profil tiegħu fuq Facebook.
Intqal li malli l-pjan ikun se jibda, se jsir kuntatt ma’ dawk in-nies li jkunu wrew ix-xewqa biex jirritornaw lejn pajjiżna.
B’effett immedjat minn dal-lejl, il-Gvern Malti waqqaf il-vjaġġi kollha minn u lejn l-Italja.
Huma biss it-traġitti tal-merkanzija, ikel u mediċini li se jsiru lejn il-pajjiż ġarr tagħna.