Permezz ta’ għajnuna mill-MITA u l-Bank Ċentrali, fid-Dar tal-Providenza issa hemm servizz ta’ Wi-Fi b’xejn.
Dan sew lil MITA €100,000 u kien proġett li ħadmu fuqu aktar minn 200 ħaddiem.
Il-proġett magħruf aħjar bħala CSR Project ra d-dawl f’din ir-residenza li tasssew tiddependi fuq il-providenza tat-tjubija ta’ ħaddieħor se tara primarjament lir-residenti jużaw b’mod aktar faċli t-teknoloġija li tintuża minn kulħadd ta’ kuljum.
Fil-fatt il-ħaddiema tal-MITA taw aktar minn 2,000 siegħa ta’ xogħol volontarju sabiex ġiet installata din l-infrastruttura ġdida f’madwar 11-il blokka.
F’dan il-proġett intużaw ‘il fuq minn 10 kilometri ta’ cables tad-data, 400 punt tad-data u 60 Wi-Fi access point.
Fi kliem id-Direttur tad-Dar fis-Siġġiewi, Fr Martin Micallef, l-informatika saret xi ħaġa bżonjuża daqs il-ħobżna ta’ kuljum.
Huwa spjega: “Xi wħud minnhom kellhom l-internet fil-kamra tagħhom. Illum jistgħu joħorġu fil-ġonna tagħna, imorru fejn iridu fid-dar, għandhom free Wi-Fi kullimien.”
L-impenn tal-MITA f’dan il-proġett imur id f’id ma’ dak li tesiġi l-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda fejn jidħlu d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità.
Fil-fatt din il-konvenzjoni tisħaq fuq l-aċċess miftuħ għal kulħadd għat-teknoloġija.
“Permezz ta’ dan il-proġett il-persuni b’diżabilitá li jgħixu fid-djar tagħna ser ikollhom id-dritt bħal ħaddieħor għall-aċċess tal-internet.”
Preżenti għat-tnedija ta’ dan is-servizz kien hemm il-President ta’ Malta Dr George Vella u s-Segretarju Parlamentari responsabbli għall-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo.
Huma saħqu li d-Dar tal-Providenza qed tinvesti flusha u ħinha biex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità fejn tidħol l-edukazzjoni, l-għarfien, l-inklużjoni, ħbiberiji u opportunitajiet ta’ xogħol.