L-uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea kkonferma li, fl-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet, pajjiżna kellu l-akbar tkabbir fl-impjiegi u t-tieni l-akbar tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi kollha taż-żona ewro.
Iċ-ċifri uffiċjali juru li, fl-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet, l-ekonomija taż-żona ewro kibret b’1% biss, filwaqt li l-ekonomija Maltija rreġistrat żieda ta’ 4.3%.
Dan ifisser li fl-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet, meta l-Oppożizzjoni qalet li pajjiżna kellu riċessjoni, fir-realtà Malta kibret b’erba’ darbiet iktar mill-medja Ewropea. Kienet biss l-ekonomija Irlandiża li kibret aktar minn Malta.
Fi statistika separata, il-Eurostat qal li ż-żieda fl-impjiegi f’pajjiżna kienet saħansitra akbar.
Iċ-ċifri juru li waqt li fiż-żona ewro kien hemm żieda fl-impjiegi ta’ 1.1%, jiġifieri kważi l-istess bħaż-żieda fil-ġid nazzjonali, min-naħa l-oħra, l-impjiegi f’Malta żdiedu b’5.3%, ferm aktar miż-żieda fil-ġid nazzjonali.
Joħroġ ukoll li l-impjiegi żdiedu l-aktar f’Malta minn fost il-pajjiżi taż-żona ewro. It-tieni l-akbar żieda kienet fl-Irlanda, b’żieda ta’ anqas minn żewġ terzi ta’ dik f’pajjiżna.
Jirriżulta wkoll li matul is-sena li għaddiet, Malta kellha t-tieni l-akbar tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi taż-żona ewro u l-akbar żieda fl-impjiegi. Fil-fatt, it-tkabbir fl-impjiegi f’Malta kien ħames darbiet aktar mir-rata medja Ewropea.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li r-riżultati juru li l-ekonomija Maltija hija b’saħħitha u f’pożizzjoni tajba biex taffaċċja l-isfidi.
Il-Gvern qal li huwa kommess li jkompli jaħdem biex l-ekonomija Maltija toħloq aktar ġid għall-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.