Jomic Calleja ta’ 34 sena li joqgħod Ħaż-Żebbuġ inżamm arrestat wara li ġie milxi li pprova jdaħħal splussiv f’Malta.
Il-każ seħħ li f’Awwissu tas-sena li għaddiet wara li allegatament pprova jdaħħal f’pajjiżna splussiv.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-pulizija qalu li kollox jindika li l-isplussiv kien se jintuża biex tinħadem bomba f’Malta tat-tip “Improvised electronic device”, x’aktarx destinata biex titwaħħal ma’ vettura. Tagħrif li kien miċħud mid-difiża tal-akkużat li ma’ dan l-istazzjoni qal li fl-akkużi ma jirrizultax li kienet se tinħadem bomba.
L-Ispettur Omar Zammit qal li r-raġel ġie arrestat it-Tnejn filgħodu wara jiem ta’ osservazzjoni mill-iskwadra ta’ kontra t-Terroriżmu. Fl-operazzjoni ġew sekwestrati wkoll diversi oġġetti elettroniċi għal aktar stħarriġ.
Jomic Calleja, li jirreferi għalih innifsu bħala Jomic Grech, qiegħed jiffaċċja proċeduri oħra l-qorti dwar akkużi ta’ traffikar ta’ droga.
Huwa kien ħarab mill-pajjiż wara li kien tressaq il-qorti fuq akkużi ta’ traffikar ta’ drogi mir-Renju Unit. Huwa kien ħarab mill-pajjiż minkejja ordni tal-qorti biex ma jsifirx.
Fl-2014 kien inħareġ mandat t’arrest Ewropew fil-konfront tiegħu u kien ġie arresta fi Frar ta’ 5 snin ilu fi Sqallija.
It-Tlieta filgħodu l-Ispettur Omar Zammit akkuża lil Calleja li pprova jdaħħal f’Malta materjal splussiv mingħajr il-permess tal-pulizija, li kiser kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti u li huwa riċediv.
Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi fil-konfront tiegħu.
L-Avukat tiegħu talab sabiex ikun hemm divjet fuq l-isem l-akkużat għax qal li għadu kif iżżewweġ. Madankollu l-Maġistrat Natasha Galea Sciberras ċaħdet it-talba u ordnat sabiex jinżamm arrestat.