Ir-raba’ pazjent infettat bil-Coronavirus f’Malta huwa raġel barrani ta’ 49 sena li jgħix Malta.
Huwa siefer mill-ajruport ta’ Treviso għall-btala f’Alto Adige fl-Italja fit-23 ta’ Frar, u ġie lura Malta fis-27 ta’ Frar. L-ewwel sintomi żviluppahom fil-5 ta’ Marzu.
Ir-raġel barrani – li mhuwhiex Taljan – għamel kuntatt mal-awtoritajiet tas-saħħa Maltin it-Tnejn, meta minnufih saret swab li nħadmet fil-laboratorju fejn irriżulta fil-pożittiv għall-COVID-19.
Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei u jinsab fi stat tajjeb ta’ saħħa.
Sar ukoll swab lis-sieħba tiegħu u lit-tifla li hija adoloxxenti, u t-tnejn li huma jinsabu iżolati fl-Isptar Mater Dei. Ir-riżultati tagħhom mistennija joħorġu aktar tard illum.
Il-familja m’għamlitx kwarantina għal jumejn, u kien meta r-raġel żviluppa s-sintomi li qagħdu ġewwa. Minkejja dan, l-awtoritajiet tas-saħħa kkonfermaw li la marru xogħol u lanqas skola, anki fil-jiem li ma qagħdux kwarantina.
Ġew identifikati wkoll żewġ persuni li kellhom kuntatt magħhom fil-jiem li ma kinux kwarantina, u sarilhom swab minkejja li m’għandhom l-ebda sintomi. Dawn ġew ordnati jagħmlu kwarantina mandatorja u qed jiġu segwiti mill-awtoritajiet tas-saħħa għal erbatax-il jum.
F’konferenza tal-aħbarijiet bid-dettalji dwar dan ir-raba’ każ ta’ Coronavirus f’pajjiżna, li bħal ta’ qablu kien għal btala fin-naħa ta’ fuq tal-Italja, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci spjegat li sa issa saru 265 test fuq nies li kellhom sintomi ta’ deni, sogħla jew qtugħ ta’ nifs, jew kienu f’postijiet fejn hemm aktar riskju ta’ trażmissjoni, u 369 swab ieħor fuq nies oħra li wkoll ħarġu negattivi.
Qalet li qed issir evalwazzjoni tal-aktar pajjiżi f’riskju barra minn Malta u ħabbret li ma’ din il-lista żdiedu r-reġjuni ta’ Marche u Toscana fl-Italja.
Il-Professur Gauci ħabbret ukoll li għaddejjin diskussjoni dwar attivitajiet pubbliċi u tal-massa, u dwar dan mistenni jagħti aktar informazzjoni d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne fil-Parlament illejla.