Seba’ linji tal-linji tal-ajru li joperaw fl-ajurport internazzjonali ta’ Malta kkanċellaw mal-mitejn u tmienja u sebgħin titjira primarjament lejn u minn l-Italja.
Dan sostnieh il-Kap Eżekuttiv tal-ajruport, Alan Borg u li spjega kif dan qed isir bħala prekawzjoni kontra l-firxa tal-coronavirus.Qal li l-aħħar ġimgħa ta’ Frar tatna togħma ta’ dak li ġej hekk kif ġejjin xhur ta’ sfida minħabba li l-attività fl-ajruport mistennija tonqos riżultat ta’ inqas titjiriet.
Il-Ħadd filgħaxija, l-Air Malta ħabbret li t-titjiriet lejn l-ajruport ta’ Linate f’Milan ġew sospiżi b’mod indefinit.
Min-naħa l-oħra r-Ryanair u Malta Air ħassru titjiriet lejn it-tramuntana tal-Italja.
Fil-fatt fuq il-profil tagħha fuq facebook, il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli ħabbret li wara diskussjonijiet uffiċjali mmexxija mill-Prim Ministru Robert Abela, b’effett immedjat tħassru titjiriet tar-Ryanair lejn Bergamo u Treviso.
It-titjira tat-Tnejn wara nofsinhar lejn Bergamo wkoll ġiet sospiża.
Intant fil-knejjes tneħħa l-ilma imbierek minħabba l-coronavirus.
L-Arċiprieti u l-Kappillani kollha ngħatawlhom struzzjonijiet sabiex ineħħu l-ilma mbierek mill-fonti b’ċirkulari mibgħuta lilhom fil-jum tat-Tnejn.
Ftit tal-ġimgħat ilu l-Knisja ħabbret ukoll li minħabba t-tixrid tal-virus, it-tqarbin irid isir fuq l-idejn u mhux fil-ħalq.
Intant studenti li tkellmu ma’ ONE News qalu li ċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni tagħhom fl-MCAST ġiet posposta wkoll bħala prekawzjoni mit-tixrid tal-coronavirus.