Il-linja Nazzjonali tal-ajru Air Malta ħassret it-titjiriet skedati kollha lejn l-ajruport ta’ Linate f’Milan b’mod immedjat għal perjodu indefinit. Dan sar bħala mezz ieħor ta’ prekawzjoni kontra l-firxa tal-Corona Virus f’pajjiżna.
Fi stqarrija maħruġa tard il-Ħadd filgħaxija l-Air Malta qalet li filwaqt li s-CDC u l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa għadhom mhux jissuġerixxu li jitwaqqfu t-titjiriet lejn Milan, l-Air Malta ħadet din id-deċiżjoni wara konsultazzjoni mal-Prim Ministru u l-Ministru kkonċernat flimkien ma’ diversi aġenziji tal-Gvern. L-Air Malta qalet ukoll li s-siġurtá tal-passiġġieri, ekwipaġġ, l-impjegati tal-kumpanija huma l-ewwel prioritá tal-kumpanija.
L-istqarrija spjegat ukoll li dawk li ġew milquta minn din id-deċiżjoni se jkunu qed jiġu notifikati fis-sigħat li ġejjin.
Kelliema tal-ajruport li tkellmet mal-ġurnal The Times qalet li tul dan ix-xahar tħassru numru kbir ta’ titjiriet li kienu skedati minn u lejn l-Italja bil-lista ta’ titjiriet kkanċellati kompliet tikber ukoll għax-xahar ta’ April.