Il-Ħadd wara nofsinhar, numru ta’ għaqdiet mhux governattivi ngħaqdu flimkien f’mixja b’diversi kartelluni u tnabar biex iwasslu l-messaġġ tagħhom.
Dan f’jum li jirrapreżenta l-ġlieda, l-isforzi u l-battalji li affaċċjat kwalunkwe mara madwar id-dinja f’kull perjodu matul l-istorja li wasslu għal titjib fil-ħajja ta’ kull mara biex ingħatat il-libertà u r-rispett mistħoqq.
Bernice Micallef mill-Life Network Foundation tenniet li fost l-akbar drittijiet tal-mara, huwa dak li titwieled.
Micallef qalet, “Ħassejt li kelli nkun hawn f’din il-ġurnata ħalli nsemma’ leħni wkoll bħala mara u l-iskop li aħna qegħdin hawnhekk huwa li għalina l-ikbar dritt tal-mara huwa li titwieled. Dak huwa l-ewwel u qabel kollox, id-drittijiet l-oħra kollha ma jistgħux jeżistu jekk il-mara l-ewwel u qabel kollox ma titwilidtx.”
Lara Dimitrijevic, mill-Women’s Rights Foundation, sostniet li ta’ kuljum, f’diversi okkażjonijiet ammont kbir ta’ nisa u bniet jiġu ffastidjati permezz ta’ kummenti sessisti u misoġonisti.
Dimitrijevic stqarret, “Meta niġu għall-vjolenza domestika l-mara għadha dejjem tbati ħafna iktar, l-istupru għadhom jiżdiedu aktar jaffettwaw lin-nisa fil-maġġorparti u għalhekk qegħdin hawn u għalhekk aħna llum għedna li ser nibqgħu hawn m’aħniex ħa nieqfu sakemm vera l-mara tiġi ttrattata b’ugwaljanza li jistħoqqilha.”
Dimitrijevic żiedet tgħid li l-mara għandha bżonn tingħata l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tkun infurmata biżżejjed u tagħmel l-għażliet neċessarji għaliha.