Minn għada, kull persuna li tidħol fiċ-ċentru tas-saħħa u fl-emerġenza se ssirilha screening biex mal-iċken dubju ma tiddaħalx fiċ-ċentru mal-pazjenti iżda tidħol f’kamra t’iżolament mal-ewwel. Dan żvelah id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt li kien qed jindirizza attivitá politika tal-Partit Laburista fir-Rabat.
Fearne qal li bħalissa l-Corona Virus tinsab f’isem kulħadd, mhux f’Malta biss iżda fid-dinja kollha. Tenna li rridu nkunu fuq quddiem tas-sitwazzjoni u ma setax ma jirringrazzjax lill-eluf ta’ ħaddiema fil-qasam tas-saħħa li qed jaħdmu qatigħ sabiex nikkumbattu kontra dan il-virus.
Fakkar fil-ħidma li saret tul dawn l-aħħar xhur. Id-Deputat Prim Ministru qal li Malta mhux biss preparata għall-ewwel fti każijiet. Tenna li Malta tinsab preparata għall-aktar każijiet li jista’ jkollna fil-futur.
Spjega li ġewwa Mater Dei kien hawn erba’ kmamar t’iżolament u dawn minn erbgħa telgħu għal tmintax. L-istess ġara ġol-emerġenza u qed jikber l-ITU b’aktar kmamar t’iżolament. Bħalissa hemm sptar ieħor vojt bi 12-il sodda oħra lesti biex jilqgħu l-pazjenti f’każ li jkun hemm bżonn.
Fakkar kif jinsab għaddej ukoll ħidma biex l-isptar Boffa, li fil-passat kien sotar għall-mard infettiv ukoll jibda jilqa’ fih pazjenti f’iżolament. Dan kapaċi jesa’ 60 pazjent.
Apparti postijiet fiżiċi bħalissa jinsab għaddej xogħol intensiv biex l-ittestjar kollu jsir f’binja ‘l bogħod minn ċentri oħra. Din se tkun lesta biex tibda topera minn nhar it-Tlieta li ġej.
Spjega wkoll li nħoloq ukoll helpline fuq in-numru 111 u fakkar kif jekk xi ħadd seta’ kuntatt ma jmurx l-isptar jew għand it-tabib imma jibqa’ d-dar u jċempel fuq dan in-numru. Spjega li dan in-numru għandu għaxar tobba jaħdmu erbgħa u għoxrin siegħa kuljum iwieġbu t-telefonati tal-pubbliku.
Fakkar ukoll fil-kumitat interministerjali dwar il-COVID-19 li qed jikkunsidra kollox fosthom l-ekonomija, ħażna ta’ ikel, mediċini, vjaġġar, edukazzjoni, enerġija, etċ. Sostna li f’dawn kollha s-saħħa tieħu prioritá fuq kollox.
Sostna li bħala Maltin għandna ningħaqdu kollha flimkien u niġbdu ħabel wieħed. L-ewwel każ li konna nafu bih fiċ-Ċina ġara eżatt lejlet l-ewwel tas-sena.
Spjega li f’xahrejn u nofs dan il-virus dar id-dinja kollha. Fakkar kif Ilbieraħ kellna l-ewwel tliet każijiet li ċċertifikaw fil-pożittiv ġewwa pajjiżna. Spjega li tul dawn ix-xahrejn u nofs il-professjonisti tas-saħħa pubblika kienu qed jippreparaw għal din iċ-ċirkostanza. Filfatt, Fearne spjega li d-dipartiment tas-saħħa kellu kollox lest f’postu biex naħdmu fuq dak li seħħ. Tenna li kollox mexa fuq ir-rubini għax kulħadd kien jaf sewwa xi jrid jagħmel.
Fearne spjega li mhux kullimkien ġara hekk, irrefera għal diversi pajjiżi fejn dan il-virus ħasadhom hekk kif minkejja li kienu jafu li se jiġri mad-dinja, l-pajjiżi ma kienux lesti għalih. Kawża ta’ hekk dan il-virus kompla jinfirex.