Kien proprju f’Jum il-Mara, fit-8 ta’ Marzu kmieni filgħodu għall-ħabta tal-10:00 li kawża ta’ riħ qawwi u maltemp li kien ħakem lil pajjiżna dakinhar u fil-jiem ta’ qabel kienet iġġarfet għalkollox l-attrazzjoni ikonika, it-Tieqa tad-Dwejra.
Kienu bosta dakinhar li bdew ixerrdu filmati u ritratti tal-maltemp qawwi li kien ħakem il-gżejjer Maltin, bl-aħbar tat-Tieqa tad-Dwejra kienet iddominat mhux biss il-midja Maltija iżda anke dik internazzjonali.
It-Tieqa tad-Dwejra kienet tiġbed eluf kbar ta’ turisti, fotografi u produtturi tal-films li kienu jżuru din l-attrazzjoni. Mhux l-ewwel darba li t-Tieqa tad-Dwejra dehret f’diversi films u serje kbar ta’ fama internazzjonali, bl-aktar serje magħruf kien dak ta’ Game of Thrones.