Il-cruiseliner Msc Opera daħal illum waranofsinhar fil-Port ta’ Messina. Minn kontrolli li saru mill-awtoritajiet tas-saħħa Taljani, ġie kkonfermat li fuq il-vapur ma kien hemm l-ebda każ ta’ persuna infettata bil-Coronavirus hekk kif ġie allegat b’mod żbaljat f’sezzjoni tal-midja Maltija.
Il-cruiseliner Msc Opera kellu jidħol f’Malta l-Ġimgħa fis-sitta. Iżda minħabba allarm pubbliku li nħoloq kawża tat-tagħrif żbaljat fil-midja, il-Gvern u l-kumpanija tal-cruises MSC, qablu li l-cruiseliner ma jidħolx f’Malta u jdawwar ir-rotta lejn il-port ta’ Messina fl-Italja.
Il-midja Taljana qed tirrapporta li abbord il-bastiment hemm mal-2,300 passiġġier u membru tal-ekwipaġġ.
L-awtoritajiet tas-saħħa Taljani qalu li ħadd mill-passiġġiera jew membri tal-ekwipaġġ m’għandu jew kellu s-sintomi ta’ din l-influwenza. Dan kif ġie ċċertifikat ukoll mill-portijiet fejn daħal dan il-vapur.
Il-President tal-Awtorità Portwali ta’ Messina Mario Mega spjega li l-Ġimgħa flimkien man-nies tiegħu kienu qegħdin isegwu s-sitwazzjoni mal-Uffiċċju tas-Sanità Marittima, mal-uffiċjali tal-port u mal-kumpanija tal-cruisliners.
Huwa qal li l-kaptan assigura li abbord il-cruiseliner ma kien hemm l-ebda sitwazzjoni ta’ saħħa kritika tant li l-Awtorità Sanitarja ta’ Messina tat l-awtorizzazzjoni tagħha biex l-MSC Opera jidħol fil-port Taljan.
L-Msc Opera mistenni jkompli bil-vjaġġ tiegħu għada fis-2.00 p.m.