Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera u l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg inawguraw wirja ta’ pjanti u ta’ dokumenti oriġinali dwar l-istruttura tal-Librerija Nazzjonali ta’ Malta. Dawn il-pjanti, li kienu jinsabu fl-arkivji tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, ġew restawrati u issa se jiġu preservati b’mod diġitali.
Il-Ministru Herrera faħħar l-inizjattiva tal-Librerija Nazzjonali li jippreservaw u jiddiġitalizzaw il-pjanti oriġinali tal-Bibjoteka Nazzjonali. Saħaq li l-iktar aspett importanti tal-patrimonju tagħna hu l-memorja kolletiva tagħna kif ukoll l-arkivat tal-pajjiż hu parti integrali tal-patrimonju tagħna.
Qal li l-gvern impenjat li fis-snin li ġejjin jibni binja adekwata li tkopri l-arkivji kollha tagħna u l-memorja li tagħtina identità, tiġi esposta għall-pubbliku.
“Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi darba wara l-oħra jkompli juri kemm hu riżors essenzjali għal pajjiżna, riżors li jwassal għal ħafna ġid fil-komunitajiet u li qed jikkontribwixxi għall-wirt ta’ pajjiżna. Id-dipartiment qed juri l-kontribut li jista’ jagħti kemm għall-preservazzjoni tal-istorja ta’ Malta kif ukoll għar-riċerka akkademika,” qal il-Ministru Ian Borg.
Spjega li ħafna minn dawn id-dokumenti, li jammontaw għal madwar 150, huma mis-sekli 19 u 20, u qal li dan l-arkivju ta’ dokumenti li jżomm id-dipartiment ilu jinżamm minn żmien l-amministrazzjoni Ingliża. Fost id-dokumenti, hemm inklużi uħud relatati mal-fergħa tal-librerija f’Għawdex u mal-librerija pubblika tal-Furjana.
“Impenjati li nippreservaw il-wirt ta’ missirijietna f’kull forma li jinsab. Kif rajna fil-ġimgħat li għaddew, anke permezz tal-GHRC, qed naraw li nwettqu diversi interventi li jippreservaw il-wirt ta’ pajjiżna. Fl-istess waqt qed naraw lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi li qed iwettaq ħafna ħidma importanti favur il-konservazzjoni tal-kollezzjoni tiegħu, anke permezz tad-diġitizzazzjoni li ttejjeb l-aċċessibilità filwaqt li tippreserva partijiet importanti mill-istorja ta’ pajjiżna,” għalaq il-Ministru Ian Borg filwaqt li faħħar lil dawk kollha li kkollaboraw għal dan il-proġett.
Il-wirja se tkun qed tittella’ fil-Librerija Nazzjonali, il-Belt Valletta, mis 7 ta’ Marzu sas-16 ta’ April 2020. Id-dħul hu b’xejn waqt il-ħinijiet tal-ftuħ tal-librerija. Għal aktar informazzjoni il-pubbliku mitlub jaċċessa https://www.facebook.com/events/929835610808711/.