Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri żar il-proġett tad-dry-standing fix-Xlendi waqt li kienu għaddejjin ix-xogħlijiet li issa jinsabu fi stat avvanzat. Qal li dan se jlaħħaq il-valur ta’ madwar €400,000 u hu ffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd. Clint Camilleri spjega li x-xogħol prinċipali jikkonsisti fir-rikostruzzjoni tad-dry-standing area, jiġifieri l-iskavar tas-sit kollu, it-tqegħid ta’ konkrit imprint u l-bini ta’ karma ġdida għall-winċ.
Il-ministru żied li ser ikun qed jinbidel ukoll l-apparat kollu tas-sit, jiġifieri l-winċ u d-dwal tal-madwar, u ser jiġu mwaħħla CCTV cameras għal aktar kontroll. Semma li, “ser jiġu introdotti wkoll service pillars li jissupplixxu dawl, elettriku u ilma, biex hekk is-sajjieda jkunu jistgħu jirranġaw u jagħmlu l-manutenzjoni tad-dgħajjes tagħhom b’mod aktar komdu u sigur”.
Il-Ministeru għal Għawdex ħa wkoll inkonsiderazzjoni il-fire-safety u għalhekk inbena ċint madwar tliet naħat tas-sit biex hekk jiżola d-dry-standing area mill-bqija tal-post f’każ ta’ nirien. Il-ministru spjega wkoll li ġie introdott oil separation tank biex żjut li joriġinaw mill-manutenzjoni tad-dgħajjes ma jispiċċawx fil-baħar, komponent bżonnjuż li permezz tiegħu se jkun imħares l-ambjent.
Fl-aħħar nett, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li dan il-proġett hu mistenni li jkun lest u jibda jintuża mis-sajjieda fil-ġimgħat li ġejjin ta’ qabel is-sajf.