Ċifri tal-Eurostat juru li Malta kienet l-iktar pajjiż li ħoloq impjiegi matul l-2018.
Iċ-ċifri tal-Aġenzija Ewropea tal-Istatistika dwar il-ħolqien tal-impjiegi juru li r-rata f’Malta kienet ta’ 5.7%, jiġifieri erba’ darbiet aktar mill-medja Ewropea li kienet ta’ 1.4%.
Iċ-ċifri tal-Eurostat juru li l-ikbar tkabbir fl-impjiegi ġie rreġistrat f’Malta, segwit fil-Kroazja b’4.9% u l-Irlanda b’4.7%.
F’kummenti lil ONE News, il-Minsitru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici laqa’ dawn ir-riżultati u nnota wkoll id-differenza fil-ħolqien tal-impjiegi li kien hemm fl-2008 u fl-2018.
Il-Ministru Bonnici stqarr: “Malta hija l-aqwa fl-Ewropa fejn tidħol iż-żieda tat-tkabbir tax-xogħol li esperjenzjana f’pajjiżna kemm fis-sena 2018 u kif ukoll anke fid-diċenju ta’ qabel meta tikkompara l-2008 u l-2018 tara differenza li ma tistax tqabbilhom.”
Fil-fatt l-istatistika tal-Eurostat turi li fuq medda ta’ 10 snin, Malta rreġistrat l-akbar tkabbir fl-impjiegi ta’ 46 fil-mija. Isegwu biss il-Lussemburgu bi ftit aktar minn 28%.
Il-Ministru Bonnici żied jinnota li l-miżuri li ħa l-Gvern fl-aħħar 7 snin fosthom iċ-childcare b’xejn għall-familji Maltin u Għawdex wasslet ukoll għal żieda kbira fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol.
Dr Bonnici sostna: “Kien hemm ukoll improvement fl-ammont ta’ nisa li jaħmdu fid-dinja tax-xogħol – fil-fatt jiena llum żort il-jobs plus biex nirringrazzja lill-ħaddiema tal-inċentivi li għamlu li raw li l-ammont ta’ nisa f’temp ta’ 10 snin sploda fid-dinja tax-xogħol b’52% li hija figura importanti ħafna.”
Fil-fatt ċifri tal-NSO ppubblikati b’rabta mal-Jum Internazzjonali tal-Mara juru li matul l-2018, in-nisa fid-dinja tax-xogħol telgħu għal aktar minn 96,600 jew 41% tal-persuni kollha fis-suq tax-xogħol.
L-NSO żied jgħid li d-distakk fl-impjiegi bejn l-irġiel u n-nisa f’Malta naqas minn sena għal oħra mill-2013 ‘l hawn.