L-Avukat William Cuschieri, li qed jidher għall-aħwa Alfred u George Degiorgio, sejjaħ bħala inġusti l-kummenti li saru fil-konfront tal-Imħallef Antonio Mizzi dwar it-talbiet li tressqu quddiemu għall-ħelsien mill-arrest tal-eżekutturi fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Yorgen Fenech, l-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galiza, Melvin Theuma allega li qal lil Fenech sabiex ikellem lill-Imħallef Mizzi biex jagħti l-ħelsien mill-arrest lill-ezekutturi. Iżda Yorgen Fenech ma ridx.
Bl-Avukat tal-Fulu u ċ-Ċiniz sejjaħ dawn il-kummenti bħala inġusti fuq l-Imħallef Antonio Mizzi. Fil-fatt kull talba għall-ħelsien mill-arrest li saret quddiem l-Imħallef Mizzi dejjem ġiet irrifjutata.
Il-Ġimgħa filgħodu quddiem l-Imħallef Edwina Grima, komplew jinstemgħu s-sottomissjonijiet għall-ħelsien mill-arrest tal-aħwa Degiorgio u Vince Muscat li ilhom arrestati minn Diċembru tal-2017.
L-avukat tal-aħwa Degiorgio, qal li George u Alfred lesti li jingħataw il-ħelsien mill-arrest bil-kundizzjoni li jiġu mgħassa bi brazzuletta elettronika u li jorqdu l-ħabs. Zied li huma lesti li joqogħdu għal kundizzjonijiet oħra.
Id-Direttur tal-ħabs il-Kurunell Alexander Dalli xehed li l-brazuletta elettronika tintlibes mill-priġunieri sabiex meta jinħarġu mill-ħabs, l-awtoritajiet tal-ħabs ikunu jistgħu jsegwu l-passi tagħhom.
Qal li s’issa l-proġett beda fuq dawk il-priġunieri li diġà ngħataw sentenza u jkunu waslu fl-aħħar tagħha. Xehed li din qed tintuża wkoll għall-priġunieri li jmorru jaħdmu jew jitħarrġu.
Is-Sur Dalli spjega li meta priġunier ikollu l-brazzuletta, jigi segwit mill-control room tal-ħabs u jaraw fejn ikun qiegħed.
L-Imħallef Edwina Grima se tiddeċiedi dwar il-libertà kkundizzjonata qabel jibda l-ġuri fil-konfront tal-akkużati.