Bejn Malta u l-Ghana ġew iffirmati ftehimiet multi-settorjali wara li delegazzjoni kummerċjali minn pajjiżna żaret il-pajjiż Afrikan. Il-ftehimiet iffirmati huma dwar koperazzjoni kummerċjali mal-Malta Enterprise, ieħor edukattiv mal-MCAST u anki ieħor dwar l-iżvilupp tan-negozju fl-akwakultura u s-sajd.
Iżda ftehim ieħor li laqat l-għajn kien dak ta koperazzjoni industrijali bejn korpi farmaċewtiċi taż-żewġ pajjiżi.
Fid-delegazzjoni kummerċjali kien hemm il-Kap Eżekuttiv ta’ kumpanija Maltija fil-qasam tal-farmaċewtika li qed timraħ anki lil hinn mill-Ewropa. Chris Busuttil, il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija EVOLVE qal li din hija “l-ewwel kumpanija tal-farmaċewtika li tipproduċi hawn hekk b’livell tal-EU. Jiġifieri EU GMP standard. Din il-kumpanija Maltija tagħna, Evolve, qegħdin jirnexxielna u rnexxielna nieħdu dan il-proġett biex propjament niddisinjaw u anki nibnu dan il-laboratorju.”
Waqt il-missjoni kummerċjali organizzata minn Trade Malta, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri spjega li l-Ghana huwa wieħed mill-aktar pajjiżi Afrikani li qed jikber u kien għaqli li pajjiżna jixxierek miegħu fin-negozju.
“Forsi anki fejn inħarsu lejn il-kontinent Afrikan u fin-nuqqas ta’ stabilità politika li hemm fil-Libja ridna nħarsu lejn pajjiżi oħrajn sabiex naraw li l-kumpaniji jkabbru u joffru s-servizzi tagħhom lil hinn minn xtutna.”
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise fisser kif l-istrateġija Maltija għall-Afrika, li ġiet imfaħħra anki mill-Unjoni Ewropea se twassal biex tiftaħ il-bibien anki għan-negozji Maltin.
“Dak li għamilna llum urejna li nistgħu nesplojtaw mod tajjeb il-potenzjal li toffri l-Afrika u huma jużaw dak li aħna noffru bħala pajjiż u bħala ġurisdizzjoni sabiex it-tkabbir ekonomiku jkompli jikber kemm f’Malta imma anki nagħtu opportunitajiet lil business li jiġu Malta u jifirxu kemm in-naħa t’isfel lejn l-Afrika imma anki in-naħa ta’ fuq lejn l-Ewropa.”
Il-Ministru tal-Ghana responsabbli mill-Kummerċ u l-Industrija qal li l-isħubija strateġika ma’ Malta għandha tara lil pajjiżna bħala l-post sabiex il-Ghana tkun tista’ timraħ għal swieq Ewropej.
Intant il-Ministru Schembri mexxa laqgħat bilaterali mal-Ministru tal-Avjazzjoni u l-Ministru għall-Iżvilupp tan-Negozju tal-Ghana. Iż-żewġ naħat tkellmu dwar il-koperazzjoni kummerċjali li tista’ tkun sostnuta b’konnettività internazzjonali lejn il-Ghana permezz ta’ rotta ġdida operata direttament minn Malta mill-Air Malta.