Il-kwartieri tal-irġiel fiċ-ċentru terapewtiku tal-Komunità ta’ San Blas ingħata dehra mill-iktar moderna u inklussiva għar-residenti li jgħixu fih.
Dan wara proġett ta’ tisbieħ u riġenerazzjoni mill-Karitas b’fondi miġbura mill-Fondazzjoni Marigold u bl-appoġġ finanzjarju tal-Bank of Valletta. F’konferenza li matulha ġie inawgurat dan il-post li għall-aħħar tletin sena offra kenn u paċi għal bosta li ntrikbu mill-vizzju tad-droga, intqal kif fost oħrajn is-sodod żdiedu għal 23 sabiex b’hekk il-binja ser tkun qed tilqa’ fiha aktar nies fi ħdanha
Intqal ukoll kif dan il-proġett li ħa ftit inqas minn sena sar wara li tfaċċaw problemi kemm strutturali fil-binja u ta’ nuqqas ta’ standards għar-residenti. Fil-fatt id-Direttur tal-Caritas is-Sur Anthony Gatt spjega li fejn qabel ir-residenti kien jużaw l-istess showers u kmamar tal-banju, illum kull kamra tas-sodda fiha l-kamra tal-banju tagħha.
Dan hekk kif ngħata importanza lill-element ta’ privatezza fil-ħajja ta’ dawk li huma maħkuma mill-vizzju tad-droga:
“Kien hemm żvilupp ukoll fl-istandards li aħna ħassejna obbligati li nippruvaw nilħqu u nimxu maż-żminijiet pereżempju kellna realtà ta’ showers li jkunu communal kollha f’daqqa anke ċertu dormitorju li dawn b’din l-għajnuna stajna nittrasformaw il-binja fi kmamar iktar privati pereżempju bl-en-suite li tagħti iktar dinjità u privatezza”.
Id-direttur tal-Caritas kompla jispjega li permezz ta’ dan l-investiment residenti li jkunu fi stadju avvanzat tal-programm ta’ rijabilitazzjoni jistgħu wkoll jistiednu lit-tfal tagħhom sabiex iqattgħu aktar ħin magħhom.
Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold is-Sinjura Michelle Muscat qalet li dan huwa t-tielet proġett li l-fondazzjoni wettqet fiċ-ċentru tal-komunità terapewtika ta’ San Blass. Qalet li r-residenti taċ-ċentru huma ispirazzjoni għall-fondazzjoni biex tkompli b’ħidmietha biex ittejjeb il-komunita tagħna.
Fi tmiem iċ-ċerimonja, saret tislima lill-ex kap eżekuttiv tal-bank Mario Mallia li miet il-ġimgħa l-oħra. Ingħad li s-Sur Mallia kien strumentali biex isir dan il-proġett permezz tal-impenn dirett u personali tiegħu.