Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali l-MCESD iltaqa’ mal-imsieħba soċjali biex ikunu diskussi t-tħejjijiet li qed isiru mill-Gvern dwar il-Coronavirus. Il-laqgħa tmexxiet miċ-Chairperson tal-Kusnill, John Bencini.
Il-Ministru Carmelo Abela, li kien preżenti għal-laqgħa, qal li wieħed għandu jkun preparat bl-aħjar mod iżda mhux jikkontribwixxi għall-allarm. Hawnhekk appella biex l-imsieħba soċjali biex flomkien mal-membri tagħhom isegwu l-pariri tad-Dipartiment tas-Saħħa u ma jsirux spekulazzjonijiet.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar ta rendikont tal-ħidma bejn il-ministeri kollha tal-gvera. Barra li l-Kabinett ħatar kumitat apposta fuq livell strateġiku mmexxi mid-Deputat Prim Ministru, twaqqaf ukoll kumitat operazzjoni u ta’ kordinament fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex jikkordina l-ħidma meħtieġa biex tilqa’ l-Coronavirus.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci appellat biex l-imsieħba soċjali iħeġġu lil membri tagħhom li jkunu ma jifilħux biex ma jersqux lejn il-post tax-xogħol, u biex membri li jkunu siefru f’pajjiżi fejn hemm trażmissjoni ta’ din il-marda jitpoġġew fi kwarantina volontarja.
Bosta msieħba soċjali esprimew l-apprezzament tagħhom waqt il-laqgħa għat-tħejjijiet li qed isiru kemm mill-Ministeru għas-Saħħa u kemm fuq bażi nazzjonali.