Għall-għaxar sena konsekuttiva l-Ministeru tal-Edukazzjoni se jorganizza l-Olimpijadi tar-Robotika ta’ Malta li matulha bosta studenti minn diversi skejjel jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet, workshops u preżentazzjonijiet għall-familja kollha. F’konferenza tal-aħbarijiet mill-bini taċ-Ċentru tal-Litteriżmu Diġitali ġie spjegat li din l-attività se tkun imqassma fuq tlett ijiem li jibdew mis-27 ta’ dan ix-xahar.
Tul is-snin din l-olimpijadi stabilixxiet ruħha bħala l-akbar avveniment relatat mat-teknoloġija fil-gżejjer Maltin li tiġbed lejha mal-14,000 ruħ kull sena.
Sachanne Zammit, studenta tal-ħames sena mill-Kulleġġ San Injazju spjegat li hija għaqdet proġett li ħadmet waqt il-lezzjonijiet tad-Disinn u t-Teknoloġija u se tikkompeti bih f’din l-attività.
Daniel Bezzina, student ta’ tnax-il sena mill-istess kulleġġ komla jispjega li flimkien ma’ grupp ieħor ta’ studenti se jikkompetu b’robot jismu Ranger.
Preżenti għal din it-tnedija kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici li sostna li fl-edukazzjoni tal-informatika, pajjiżna baqa’ jimxi dejjem ‘il quddiem u ninsabu fost l-aqwa pajjiżi Ewropej.
Sostna li għandna ninvestu aktar fl-edukazzjoni dwar dan is-suġġett li kontinwament qed ibiddel il-mod ta’ kif ngħixu.
Is-Segretarju Parlamentari Responsabbli mill-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo qal li huwa importanti li nsaħħu dawn it talenti fost it-tfal.
Spjega li t-tagħlim qed isir dejjem aktar interattiv u tenna li l-edukazzjoni trid tħejji lit-tfal għax-xogħol u għall-ħajja ta’ għada.
Fakkar kif fil-futur l-intelliġenza artifiċjali se tagħmel parti kbira minn ħajjitna u hija xi ħaġa pożittiva ferm li l-iskejjel qed iħarrġu lit-tfal f’dawn is-suġġetti.