Kevin Attard ta’ 43 sena mill-Ħamrun ingħata l-libertà proviżorja wara li wieġeb mhux ħati li wettaq ġrieħi gravi f’wiċċ raġel ieħor f’argument quddiem il-bibien tal-Qorti.
Fil-qorti ngħad li l-vittma daħal il-Qorti b’xuftejh mimlija demm u talab l-għajnuna medika. Fl-Isptar Mater Dei il-vittma spiċċa bil-punti f’wiċċu.
Attard ġie mixli wkoll li kiser il-kundizzjonijiet għall-ħelsien mill-arrest f’każ separat u li kiser il-paċi pubblika.
Hu mifhum li l-argument qam dwar każ legali bejn l-akkużat u l-vittma.
Il-Maġistrat Gabriella Vella ordnat il-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €5,000 u ordnat lir-raġel biex ma jersaqx lejn il-vittma.
L-Ispettur Jeffrey Scicluna mexxa l-Prosekuzzjoni filwaqt li Ishmael Psaila deher għall-akkużat.