Il-Perit Ruben Abela saħaq li fil-każ li ġara fil-jum tat-Tnejn fil-Ħamrun biswit id-dar li ġġarfet fi Triq Joseph Abela Scolaro ma kienx hemm tqattigħ ta’ blat iżda tħammil tal-ħamrija li hemm fuq l-art li kienet ġnien privat u li kien se jiġi żviluppat.
“Issa f’dan il-każ jidher li l-ħamrija biss kienet qiegħda titħammel jiġifieri kontra kif ħasbu ħafna jidher almenu mir-ritratti li dehru ma kienx qed isir tqattigħ tal-blat. Jista’ jkun każijiet fejn lanqas isir biss taħmil ta’ ħamrija, ukoll ikollok ir-riskju illi inti jekk tqabbad ma’ ħajt illi l-appoġġ mhux biżżejjed sod jista’ jipperikola l-bini ta’ ħdejh u għalhekk huwa important li l-pubbliku mingħajr ma nqajmu wisq allarm ikun jaf x’inhuma d-drittijiet u l-proċeduri.”
Ma’ ONE News, il-Perit Abela qal li f’kull xogħol ta’ kostruzzjoni hemm ir-riskji.
Mingħajr ma qagħad jidħol fil-każ tal-Ħamrun, il-Perit saħaq fuq l-importanza li jsiru l-ispezzjonijiet fid-djar tal-madwar fejn se jsiru x-xogħlijiet qabel ma jibda l-proġett.
“Qabel ma jsir ix-xogħol, dak il-perit li huwa responsabbli għal din is-superviżjoni jrid jagħmel spezzjoni fil-binjiet ta’ madwar u joħroġ dak li ngħidulu condition assessment report.”
Il-Perit Abela qal li f’każ li l-ispezzjonijiet ma jsirux, persuna li biswit darha hemm min qed jagħmel xogħol ta’ kostruzzjoni għandha tirrapporta minnufih lill-uffiċċju għar-regolamenti tal-bini, magħruf bħala l-BRO.
Mistoqsi dwar l-infurzar tal-liġi, il-Perit Abela qal li jeħtieġ iżjed responsabilità minn min jaqla’ x’jiekol mis-settur.
“Tista’ tagħmel librerija sħiħa ta’ regoli jekk m’hemmx responsabilità jew ħeġġa li kull min huwa involut fis-settur josserva dawn ir-regoli għall-punto u l-virgola inutli tagħmel riġment ta’ pulizija u ta’ infurzar li tipprova tinforza dawk ir-regoli.”
Intant l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin sostniet li t-traġedja li seħħet fil-Ħamrun setgħet ġiet evitata li kieku dawk kollha responsabbli assiguraw li jimxu mar-regolamenti eżistenti, l-etika professjonali u l-infurzar.
Fid-dawl tal-fatt li l-Perit Roderick Camilleri, huwa l-perit tal-proġett fil-Ħamrun u huwa wkoll imsieħeb bħala kuntrattur fil-proġett, l-MDA qalet li huwa inaċċettabbli li l-periti li huma responsabbli mill-proġetti ta’ kostruzzjoni huma wkoll involuti fihom bħala investituri.
Ma’ dan is-sentiment qabel ukoll il-Perit Abela li kwota l-kodiċi tal-etika tal-kamra tal-periti.
“Skont il-kodiċi ta’ etika tal-periti inti ma tistax tkun żviluppatur u perit fuq l-istess proġett inti stess jiġifieri fejn tara li jista’ jkun hemm kunflitt ta’ interess inti għandek twarrab minn dik ir-responsabilità u jidħol xi ħaddieħor flokok.”
Intant fi stqarrija, l-MDA sejħet lil dawk kollha responabbli biex mingħajr ebda dewmien jassiguraw li dawk kollha responabbli għal dan l-inċident traġiku jinżammu responsabbli u jiffaċċjaw il-konsegwenzi.