Din hija l-Pjazza San Luqa f’Tal-Pietà li mill-ewwel darba li saret qatt ma rat xi tip ta’ intervent biex tissebbaħ.
Fl-aħħar xhur beda x-xogħol f’din il-pjazza b’nefqa ta’ miljun u mitejn elf ewro bil-għan li r-residenti ta’ din il-lokalità jkollhom spazju miftuħ ġdid f’post li għamel snin twal abbandunat.
Fil-fatt, Misraħ San Luqa mhux se jibqa’ jservi bħala venda għall-karozzi tal-linja, kif kienet fl-imgħoddu. Minflok, qiegħda tingħata dehra ġdida b’aktar siġar li se jkomplu jħaddru din il-pjazza. Fl-istess waqt se titqiegħed għamara ġdida ta’ barra u qegħdin jinbnew ukoll faċilitajiet sanitarji ġodda.
Il-Perit tal-proġett Manuel Cassar qal li dan il-proġett se joffri dehra isbaħ lil din iż-żona, anki minħabba l-fatt li din il-pjazza hija tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod minn Villa Gwardamanġa, id-dar li fiha kienet tgħix r-Reġina Eliżabetta t-Tieni meta kienet f’Malta barra r-Renju Unit.
Is-Sur Cassar spjega: “Apparti r-reorganisation tal-parking, fil-ġnub tal-pjazza. Ikkonċentrajna fiċ-ċentru tal-pjazza. Żona pedonali kollha kemm hi u parti minnha ħa tgħaddi l-karozza tal-linja.
Is-Sindku tal-Pietà Keith Tanti tkellem dwar l-importanza ta’ dan il-proġett li se jkun possibli grazzi għall-Infrastruttura Malta. Huwa stqarr: “Fi żmien Aministrazzjoni Nazzjonalista meta għamlet Triq San Luqa, il-pagament sar bejn 2013 u 2017 u kiel ħafna mill-fondi tagħna u llimitana. Biżżejjed ngħidlek li aħna ridna nagħmlu din il-pjazza imma rizorsi ma kien fadlilna u kellna nirrikorru għall-Ministeru u Infrastruttura Malta.
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li dan il-proġett se jagħti nifs ġdid lir-residenti ta’ din il-lokalità. Huwa sostna: “Meta ċċaqlaq l-isptar ġenerali hawnhekk kienet waqgħet telqa kbira. Rajna li ma jintmessux is-siġar u jkun hawn iktar landscaping u riorganizzazzjoni aħjar.”
Il-Ministru Ian Borg qal li fix-xhur li ġejjin Infrastruttura Malta se tagħmel xogħlijiet oħrajn f’Tal-Pietà fosthom bini mill-ġdid ta’ erba’ toroq residenzjali bħala parti mill-investiment ta’ €700 miljun mifrux fuq seba’ snin. Dawn it-toroq huma Triq id-Duluri, Triq Santa Monika,Triq K. Mifsud u Triq San Girgor.