Żewġt’irġiel iddaħħlu l-Isptar Mater Dei għall-kura wara impatt bejn tlett bastimenti fil-Port il-Kbir.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-12.40p.m ta’ wara nofsinhar f’Laboratory Wharf meta bastiment daħal fuq tnejn oħra li kienu sorġuti fil-Port.
Waqt li kien qed jorbot, il-vapur tal-merkanzija Maria, ħabat mal-iskuna tas-sajd Taljana Angela Arcella, li nqalbet u għerqet mal-moll.
Waqt li kien qed jorbot, il-vapur tal-merkanzija Maria, ħabat mal-iskuna tas-sajd Taljana Angela Arcella, li nqalbet u għerqet mal-moll.
Konsegwenza ta’ dan, żewġ persuni li kienu fuqha qabżu fil-baħar, weġġgħu u ttieħdu l-Isptar, fejn għalkemm sofrew xi ġrieħi, mhumhiex fil-periklu tal-mewt. Għal xi ħin, il-Forzi Armati ta’ Malta kellhom id-dgħajsa tas-salvataġġ Melita fuq standby għal li jista’ jinqala’.
Għaddasa mqabbda mill-Qorti aċċertaw li ma kien baqa’ ħadd abord u li ebda materjal likwidu ma kien ħiereġ mill-vapur. Grupp ta’ scuba divers mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili marru fuq il-post biex itellgħu l-bastiment mgħerreq minn taħt l-ilma.
Operazzjoni msejsa fuq ħidma konġunta ma’ tim mediku mill-Isptar Mater Dei, uffiċjali tal-Pulizija u minn Transport Malta, u l-Unit investigattiv għas-sigurtà marittima. Il-kawża tal-inċident għadha mhix magħrufa.