Wasal biex jerfa’ mix-xogħol iżda għadu mimli entużjażmu.
Victor Camilleri ilu erbgħa u tletin sena jgħallem fl-iskola sekondarja tal-Imrieħel fi ħdan il-Kulleġġ Santa Tereża.
Tletin sena ilu, martu welldet l-ewwel tifla tagħhom u hu welled inizzjattiva li llum għadha parti mill-kalendarju ta’ din l-iskola, ġirja mal-inħawi tal-iskola biex jinġabru flus għal min verament jeħtieġ.
“Meta jien kont darba fuq il-linja tal-maratona, meta jien kont se nagħmel stess il-maratona ta’ Malta, 42 kilometru, dak iż-żmien ukoll kienet ħa titwieled l-ewwel tifla tiegħi. Għedt mela jiena jekk kollox imur sew, sew nispiċċa l-maratona jien u anki għax kienet l-ewwel waħda tiegħi dik, u ħa jkolli l-ewwel tifla Karen, imbagħad semmejniha, jiena f’din l-iskola ħa norganizza xi ħaġa iżgħar għat-tfal tal-iskola biex inrawwem fihom it-tfal, dik ix-xi ħaġa sabiħa li permezz ta’ xogħolhom, kif qegħdin taraw, jgħinu lil ħaddieħor.”
Tul iż-żmien inġabru iżjed minn kwart ta’ miljun ewro u din is-sena hija okkażjoni speċjali għaliex hija t-tletin edizzjoni u l-aħħar waħda ta’ Victor, magħruf mal-istudenti bħala s-ser tal-fun run.
Ma naqasx l-entużjażmu fost l-istudenti li qed jgħinu fit-tħejjija ta’ din il-ġirja ġeneruża.
“Eċitata għaliex hija t-tletin edizzjoni, allura hija unur kbir li qiegħda form 5, hija xi ħaġa simbolika għal form 5.”
“Qegħdin nippreparaw għaliha din il-fun run u li kulħadd jipparteċipa u li jkun kollox sew u anki mhux li nieħdu pjaċir biss imma anki li nagħtu l-karità.”
Il-ġirja ta’ din is-sena se ssir il-Ġimgħa 6 ta’ Marzu u fost l-oħrajn hemm ALS Malta li se tibbenefika.
Fuq kollox Victor qalilna li għalkemm se jirtira xorta se jibqa’ jagħti sehmu biex il-fun run li welled ma tmut qatt.
Fuq fommu spikka s-sens ta’ nostalġija.
“U għadni niltaqa’ ma’ tfajliet, għaliex qabel tfajliet kellna hawn hekk studenti li jgħidulna niftakru dak iż-żmien meta konna hawn u issa għandna t-tfal tagħna qegħdin hawn u għadkom sejrin bil-maratona tal-fun run.”