Hannah Giacchino, tfajla ta’ wieħed u għoxrin sena li rrapreżentat il-lokalità ta’ San Ġiljan f’Miss Malta, hija ż-żagħżugħa li se tirrapreżenta lil pajjiżna fil-konkors ta’ sbuħija Miss Earth, li jżewweġ is-sbuħija ma’ temi ambjentali.
Tkellimna magħha jumejn wara li ġiet inkurunata b’dan it-titlu prestiġjuż, u staqsejniha x’ħasset meta tħabbret rebbieħa.
“Għadni ma nistax nemmen, ħassejtni vera ferħana u bkejt bil-ferħ, u qed inħossni eċitata ħafna.”
Hannah taħdem bħala Learning Support Educator u għandha passjoni kbira għad-drama u l-kant.
Fil-ħin liberu tagħha tħobb tivvjaġġa u tiltaqa’ ma’ nies ġodda, u b’din l-esperjenza, qed tħares ’il quddiem li tikber b’mod personali.
“Nixtieq li nibqa’ nikber fil-kunfidenza u eċitata għax vera nħobb insiefer u l-fatt li se nirrapreżenta lil pajjiżi, vera kburija.”
Din kienet l-ewwel avventura ta’ Hannah fid-dinja tal-immudellar, u appellat biex kif rabbiet il-kunfidenza hi, jagħmel l-istess ħaddieħor.
“Il-messaġġ tiegħi huwa biex in-nies qatt ma jaqtgħu qalbhom u meta jkollhom opportunità, jeħduha u ma jibżgħux.”
Il-kompetizzjoni Miss Earth se ssir fil-Filippini f’Ottubru li ġej, u se tara l-parteċipazzjoni ta’ bejn 80 u 90 tfajla minn madwar id-dinja.