Id-dipendenza fuq id-droga hija fost l-aktar raġunijiet li twassal lill-persuni biex jisirqu.
Dan sostnih l-Ispettur fabian Fleri mill-Iskwadra tar-Reati Vjolenti fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali.
Ċifri li kiseb ONE News juru li fl-ewwel xahrejn tas-sena kien hawn 16-ir reat ta’ serq b’armi, u l-Pulizija Maltija solviet 12 minnhom u ressqet sitt persuni l-Qorti.
Tul l-elfejn u dsatax il-Pulizija ressqet il-Qorti 22 persuna li kienu involtui f’31 serqa bl-armi.
L-ispettur Fleri spjega li għall-kuntrarju ta’ dak li jaħsbu ħafna, fil-maġġoranza ta’ dawn il-każijiet kienu nvoluti persuni Maltin.
“Il-maġġoranza tar-reati saru mill-Maltin. Bażikament l-aktar raġuni komuni hija li jkunu persuni dipendenti mid-droga u jkollhom bżonn il-flus biex jixtru d-droga”
Apparti s-serq bl-armi, l-Iskwadra tar-Reati Vjolenti tinvestiga wkoll każijiet ta’ serq vjolenti u serq minn fuq persuni li jkollhom aktar minn sittin sena.
L-Ispettur Fleri sostna li dawn it-tip ta’ reati jġorru magħhom pieni ħorox ta’ priġunerija.
“Jekk se jkollok il-persuna weġġajtu b’mod gravi u l-persuna għandu aktar minn 60 sena il-piena se tmisslek anki l-20 sena. Jiddependi mill-ġrieħi li jsofri l-vittma, oġġett li nsteraq u biex weġġajtu.”
Spjega li persuna li tidħol tisraq b’arma u ma tweġġa’ lil ħadd xorta tista’ teħel sa 7 snin ħabs.
Fleri appella lill-pubbliku sabiex qatt ma jikkonfrontaw lill-ħallelin hekk kif dawn jistgħu ikunu taħt l-effetti ta’ sustanzi.
Madankollu appella lill-vittmi sabiex jinnutaw ċerti dettalji tal-ħallelin.
“L-appell tagħna huwa biex jinnutaw aktar. Jinnutaw x’inhu liebes, kif aġixxa fejn mar, telaqx b’karozza għax dawn jgħinu ħafna lilna meta nkomplu ninvestigaw il-każ.