Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia kompla jikkonferma l-ġlied u l-firda li għadha tiddomina fil-Partit Nazzjonalista.
Fuq il-programm ‘Għandi Xi Ngħid’ tal-Professur Andrew Azzopardi fuq Radju Malta, Delia semma’ il-ħafna gambetti mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil kemm ilu jmexxi hu u li rreferew għalihom fl-ittri tar-riżenji tagħhom; Clyde Puli u Robert Arrigo minn Segretarju Ġenerali u Viċi Kap rispettivament.
Delia stqarr: “Robert Arrigo u Clyde Puli kienu ċari illi fil-Partit Nazzjonalista fl-aħħar 30 xahar kien hemm ħafna gambetti. Dik il-mistoqsija. U kien hemm, mhux se niddejjaq ngħid li kien hemm. Dik il-verità.”
F’intervista ta’ madwar siegħa, Delia uża parti mill-ħin biex jattakka lil fazzjoni Busuttil li kull ċans li jiġiha taqtalu saqajh.
Dak li ħoloq Jason Azzopardi, is-seventeen blue heroes, Delia mhux biss prova jbenġilha iżda qal li hija ħrafa.
Meta l-Preżentatur qal: “Imma huma riedu jtajruk is-17 heroes jew x’inhuma.”
Delia wieġeb: “L-ewwel nett din tas-17 hija kompletament ħrafa.”
Delia qal li fost is-17 li ssemmew minn Jason Azzopardi li huma kontrih kien hemm kważi d-Deputati kollha li lanqas biss taw il-kunsens tagħhom biex ikunu fuq dik l-istampa. Huwa tenna: “Hemmx diversi jew ħafna jew kważi kollha illi lanqas biss kellhom il-kunsens tagħhom illi jkunu fuq dik l-istampa.”
Delia qal li fi grupp parlamentari kulħadd irid jiġbed ħabel wieħed u f’battuta lil ta’ Busuttil qal li jekk hawn min mhux jifhem din ir-regola, allura lanqas jaf xi tfisser il-politika Maltija. Huwa sostna: “Imma jekk inti tkun fi grupp parlamentari hemm regola illi inti wara li titħaddet u titkellem…”
Meta kien mistoqsi: “U kulħadd qed jifhimha din ir-regola?” Delia wieġeb: “Min ma jifhimx naħseb illi ma jafx xi tfisser il-politika Maltija.”
B’ton ta’ wieħed li fost il-firda li ma taqta’ qatt fl-istamperija, mhux se jċedi, Delia qal li hemm nies illi jaħsbu li s-siġġu ħallihulhom xi ħadd.
Delia kompla jgħid: “Mhux ikun hemm nies li jibqgħu hemm għal dejjem, mhux ikun hemm nies li jibqgħu jiddettaw huma, mhux ikun hemm nies illi jaħsbu illi s-siġġu politiku ħallihulhom xi ħadd.”
Intant fil-programm spikkaw ukoll battuti minn Delia li għal diversi drabi ħass li l-Professur Azzopardi, li kien qed jagħmillu l-mistoqsijiet, kien żbaljat:
Delia qal: “Andrew għal darb’oħra żbaljat.”
Il-preżentatur wieġeb: “Ma jimpurtax.”