Minkejja li b’mod ġenerali tul l-aħħar ġimgħat id-donazzjonijiet tad-demm kienu konsistenti u abbundanti, dan ma kienx biżżejjed biex ikopri l-ħtiġijiet kurrenti u fl-istess ħin iżomm riżerva tajba fil-gruppi tad-demm kollha.
Għaldaqstant is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm ġie kostrett biex tul tmiem din il-ġimgħa jagħmel Sejħa Nazzjonali għall-Għoti tad-Demm li qed tibda minn dalgħodu Il-Ġimgħa 28 ta’ Frar, u tibqa’ sejra sa nhar il-Ħadd 1 ta’ Marzu.
Minħabba din is-sitwazzjoni partikolari, b’eċċezzjoni, illum Il-Ġimgħa 28 ta’ Frar il-ħinijiet tal-ftuħ ser ikunu estiżi sad-9:00 ta’ filgħaxija (minflok sas-6:00pm). Imbagħad Is-Sibt 29 ta’ Frar u l-Ħadd 1 ta’ Marzu l-ħinijiet tal-ftuħ ikunu mit-8:00 ta’ filgħodu sas-6:00 ta’ filgħaxija.
Il-Ħadd 1 ta’ Marzu l-għoti tad-demm jista’ jsir ukoll:
- Fil-Mobile Blood Donation Unit li bejn it-8:30 ta’ filgħodu u s-1:00 ta’ waranofsinhar ser ikun f’ Pjazza Medjatriċi, maġenb il-knisja parrokkjali ta’ Ħaż-Żabbar.
- Fil-Berġa tax-Xewkija f’Għawdex li ser tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00 ta’ filgħodu sas-1:00 ta’ waranofsinhar.
F’dan il-mument ta’ sejħa dawk kollha li huma f’saħħithom huma mitluba biex juru solidarjetà mal-morda li qed jinstennew trasfużjoni u joffru l-id ġentili tagħhom għad-donazzjoni tad-demm.
- Huwa importanti li wieħed iġib il-Karta tal-Identità, jew il-Liċenzja tas-Sewqan jew Passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.
- Informazzjoni dwar l-għoti tad-demm tinkiseb minn www.blood.gov.mt jew billi wieħed iċempel 80074313 jew 70307307.
- Għal lum il-Ġimgħa biss, minħabba xogħlijiet estensivi ta’ kisi bit-tarmac fil-pjazza tal-Isptar San Luqa, id-donaturi tad-demm huma mħeġġa biex jitolbu l-għajnuna tal-ħaddiema ta’ Transport Malta biex jiggwidawhom kif jaslu bil-vettura tagħhom sa quddiem Iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm.