Iż-żmien lil ħadd ma jsellem, jgħaddi ħiemed bla ma jitkellem.
Mal-medda tas-snin pajjiżna kien maħkum minn diversi qawwiet differenti li kollha ħallew f’pajjiżna arti li llum hija meqjusa bħala imprezzabbli.
Sabiex jassiguraw li din l-arti li għandna miżmuma fil-mużewijiet u l-palazzi tal-istat tibqa’ fl-aħjar kundizzjoni, fis-skiet tal-laboratorju tagħhom f’Bighi, ir-restawraturi ta’ Heritage Malta jagħmlu xogħol kbir ta’ restawr u konservazzjoni.
It-Tnejn filgħodu, l-istudenti li għandhom il-Passaport ta’ Heritage Malta setgħu iżuru l-proċess ta’ restawr u ngħataw togħma tax-xogħol metikoluż li jagħti ħajja mill-ġdid lill-għexieren ta’ pitturi kull sena.
Leah Vella, studenta ċkejkna li attendiet għal waħda minn dawn is-sessjonijiet setgħet tifhem aktar il-ħidma tar-restawraturi Maltin.
“Li jirrestawrawhom u jġibuhom isbaħ. Li jaqbdu ż-żebgħa u jagħmluhom fejn hemm l-abjad biex imbagħad l-istampa terġa’ tiġi biż-żebgħa”
Kif qalet tajjeb Leah, il-pittura taħt restawr tgħaddi minn diversi fażijiet ta’ xogħol metikoluż li mhux kollu jolqot l-għajn.
Ir-restawratriċi u konservatriċi Joanna Hili Micallef qalet: “Il-pittura għandha diversi strati differenti, għandek is-sapport, għandek il-preparazzjoni imbagħad għandek l-istrat pittoriku. L-iktar importanti huwa l-istrat pittoriku imma jekk ma nieħdux il-layers l-oħra l-pittura nitilfuha. Għalhekk ħafna xogħol isir fuq wara tal-pittura, parti li tissejjaħ bħala l-konservazzjoni”
F’ambjent ta’ skiet taqtgħu b’sikkina, ir-restawratriċi u konservatriċi ta’ Heritage Malta kompliet tispjega li ġaladarba jitlesta l-konservazzjoni tal-bażi tal-pittura x-xogħol jimxi għal fuq il-wiċċ fejn wara li jitneħħa l-verniċ l-antik jibda jimtela l-vojt tal-pittura. Proċess li jieħu x-xhur.
“Jiddependi mit-tip ta’ xogħol, jiddependi mid-daqs tal-pittura, dejjem għandek xhur u ġieli anki snin. Meta jkun hemm ħafna ħsara jew pittura kbira b’ħafna partijiet neqsin l-irtokk se jieħu ħafna żmien.”