Tlett irġiel ġew arrestati mill-Pulizija waqt kontrolli tat-traffiku li saru matul il-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt f’Ħal Għaxaq.
Żewġt irġiel ta’ wieħed u għoxrin u ħamsa u tletin sena rispettivament twaqqfu fi Triq Dawret Ħal Għaxaq fejn saret tfittxija fuqhom u fuq il-vettura li kienu qed isuqu.
Fiż-żewġ każi, l-irġiel instabu fil-pussess ta’ diversi pakketti b’sustanza ħadra allegatament droga u oġġetti oħra relatati mat-teħid tad-droga.
Ir-raġel l-ieħor, Serb ta’ tmienja u għoxrin sena, ġie mwaqqaf fi Triq Għar Dalam, fejn ukoll instab fil-pussess ta’ pakkett b’sustanza ħadra maħsuba droga.
L-irġiel ittieħdu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal aktar investigazzjonijiet.
Intant, waqt l-istess kontrolli, twaqqfet vettura li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ tlieta u tletin sena, li kienet qed issuq b’dawl kontra l-liġi.
Twaqqaf ukoll raġel ta’ erbgħin sena mill-Filippini li jgħix Tas-Sliema, li kien qed isuq bla liċenzja.
Fl-istess spezzjonijiet, żagħżugħ ta’ dsatax-il sena minn Birżebbuġa nqabad isuq bla liċenzja tas-sewqan, u kellu l-vettura wkoll bla liċenzja u polza tal-assigurazzjoni. Il-vettura ttieħdet fil-garaxx tal-Pulizija bi trakk tal-irmonk.
F’każijiet separati, żewġt irġiel ta’ tmienja u tletin sena u tmienja u erbgħin sena rispettivament, instabu li kienu qed isuqu vetturi taħt l-influwenza tal-alkoħol.
Il-Pulizija se tkun qed toħroġ akkużi fil-konfront ta’ dawn il-persuni.
L-ispezzjonijiet tmexxew mill-Pulizija tad-Distrett bl-assistenza tal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, mis-Sezzjoni tal-Klieb, l-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzju tad-Droga, mill-Garaxx tal-Pulizija u l-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta.